GROUND TAT-TURF ARTIFIĊJALI FL-ISKOLA PRIMARJA TA’ ĦAL KIRKOP
Bħalissa qed isiru l-aħħar xogħlijiet fl-iskejjel tal-Gvern biex dawn ikunu lesti għall-bidu tas-sena skolastika l-ġdida li tibda nhar it-Tnejn li ġej. Ix-xogħlijiet li saru f’aktar minn 30 skola b’investiment ta’ madwar Lm 2.4 miljun jinkludu xogħlijiet li jvarjaw minn bini u estensjonijiet, refurbishment u mmodernizzar, bdil ta’ soqfa u aperturi, manutenzjoni, u titjib fil-faċilitajiet rikreattivi. Waħda mill-iskejjel fejn qed isir titjib fil-faċilitajiet rikreattivi hi l-iskola primarja ta’ Ħal-Kirkop fejn bħalissa qed isir l-aħħar xogħol fuq il-ground il-ġdid li ser ikun jista` jintuża mit-tfal ta’ l-iskola.
Il-ground tat-turf artifiċjali sar wara li fl-aħħar xhur tlesta x-xogħol fuq proġett li permezz tiegħu tkabbru u ttejjbu l-faċilitajiet rikreattivi ta’ l-iskola. Il-proġett kien jinkludi xogħol ta’ skavar, bini ta’ ġibjun għall-ilma, livellar tal-ground biex ikun fl-istess livell tal-bitħa ta’ l-iskola, bini ta’ dressing rooms, showers u faċilitajiet sanitarji biswit il-ground, u l-istallar tal-ground.
Fl-iskola Primarja ta’ Ħal kirkop il-Gvern diġà wettaq programm ta’ mmodernizzar f’fażijiet differenti fuq numru ta’ snin. B’dawn ix-xogħlijiet din l-iskola primarja saret waħda mill-aktar skejjel moderni fil-pajjiz. L-ambjent tal-klassijiet u r-riżorsi tat-tagħlim huma ta’ l-aħjar kwalità u issa l-faċilitajiet rikreattivi u sportivi ta’ l-iskola ukoll saru ta’ l-ogħla standards u huma aċċessibbli għat-tfal kollha ta’ l-iskola. Fuq dan il-ground jonqos xogħol ta’ finitura u l-istallazzjoni ta’ sistema ta’ floodlighting għall-użu tal-ground wara nżul ix-xemx.
Bħalissa hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li hu wkoll responsabbli għall-isport u l-Klabb tal-Futbol ta’ Ħal Kirkop bl-iskop li jintlaħaq ftehim ħalli l-faċilitajiet sportivi ta’ l-iskola jintuzaw ukoll wara l-ħin ta’ l-iskola għat-training u n-nursery ta’ Kirkop FC.
Fl-istess hin ix-xogħol għat-tlestija tas-sala u xogħol ieħor fl-iskola ta’ l-Imqabba jinsab fi stadju avvanzat u beda x-xogħol fuq il-bini tas-sala ta’ l-iskola primarja f’Ħal Safi. L-FTS qed tikkonkludi wkoll id-dokumenti għal ħruġ ta’ tender għal bini ta’ sala f’M’Xlokk u qed tiffinalizza l-pjanijiet għax-xogħol u swali biex jitjiebu l-faċilitajiet fl-iskejjel primarji tal-Gudja u Ħal Lija. L-FTS qed taħdem ukoll biex is-sena d-dieħla tiġi pubblikata t-tender għall-bini ta’ sala fil-Junior Lyceum Margaret Mortimer f’Santa Luċija. B’hekk meta jigi finalizzat il-pjan ta’ bini ta’ swali ta’ l-iskejjel imsemmija, l-iskejjel kollha ta’ l-Istat f’Malta jkollhom faċilitajiet tajbin fejn jorganizzaw il-laqghat u l-attivitajiet tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958