Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TA’ L-INVESTITURA TA’ L-ORDNI NAZZJONALI TAL-MERITU F’JUM L-INDIPENDENZA – SALA TA’ L-AMBAXXATURI, IL-PALAZZ VALLETTA - IL-ĦAMIS, 21 TA’ SETTEMBRU 2006

PR1272
Date Icon 21/09/2006

Illum ninsabu hawn miġbura biex niċċelebraw it-tnejn u erbgħin anniversarju ta’ l-indipendenza ta’ Malta.  L-istorja li qed niċċelebraw illum hija xhieda tal-kuraġġ u l-viżjoni tal-Poplu ta’ Malta li kien lest għall-isfida biex jieħu kontroll assolut u responsabbiltà għall-futur tiegħu. 

Madanakollu, dawn l-aħħar tnejn u erbgħin sena huma biss mument qasir fil-ħajja ta’ nazzjon li l-istorja tiegħu tgħodd eluf ta’ snin.  Malta, pajjiż żgħir imma prezzjuż, bi storja, kultura u identità li huma profondi daqskemm dinamiċi, ġiet ukoll deskritta bħala fortizza.  Il-pożizzjoni strateġika tagħha f’salib it-toroq tal-Mediterran, f’nofs triq bejn Ġibiltà u l-Kanal tas-Swejz u bejn in-nofsinhar ta’ l-Ewropa u t-Tramuntana ta’ l-Afrika, kienet tfisser li Malta kienet fir-rotot li ntużaw sa mill-qedem minn traffiku kontinwu ta’ negozjanti u ħakkiema.  F’dinja misjuqa mill-poter u s-saħħa, Malta bidlet l-idejn minn ħakkiem barrani għal ieħor, sakemm fl-aħħar daħal ordni dinji ġdid u Malta setgħet toħlom realistikament li tkun pajjiż sovran u indipendenti. Il-Maltin qamu fuq saqajhom filwaqt li t-tmexxija barranija majnat. 

Jien, li – bħal ħafna oħrajn  tal-ġenerazzjoni tiegħi – għext il-jiem ta’ l-elf disa’ mija u erbgħa u sittin, kif ukoll is-snin bikrija ta’ diffikultà u ta’ prova li ġew wara, ma nistax nieqaf nammira dak li rnexxielna nagħmlu minn dak iż-żmien ’l hawn fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi, kif ukoll fir-relazzjonijiet barranin, fl-edukazzjoni, fix-xjenza, fil-liġi u fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħna. 

Malta stabbiliet ruħha bħala nazzjon indipendenti u sovran fix-xena internazzjonali, kif ukoll f’dik Ewropea, permezz tax-xogħol assidwu u l-impenn tal-mexxejja tagħha u tal-Poplu li appoġġja lil dawn il-mexxejja fi żminijiet prosperi kif ukoll f’dawk anqas prosperi.  Ftit ’il fuq minn sentejn ilu Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea.  Dan l-istadju importanti fl-istorja ta’ gżiritna kien l-inkurunazzjoni tat-triq twila li mxiet il-gżira fortizza tagħna minn dawk iż-żminijiet bikrija meta ħadet f’idejha r-riedni tal-ġejjieni tagħha. 

Illum aħna nirrikonoxxu wkoll li dan kollu m’għamilniehx weħidna – kien hemm ukoll ħbieb ta’ pajjiżna li kkontribwew għall-ġid ta’ pajjiżna billi ħadmu biex mexxew ’il quddiem l-interessi tiegħu.  Illum ħa nonoraw erbgħa minn dawn il-persuni li ddistingwew ruħhom bis-servizz tagħhom fil-promozzjoni u t-tkabbir tar-relazzjonijiet internazzjonali.  Dan għamluh b’bosta manjieri, fosthom billi għenu biex jiġi konkluż ftehim bejn Malta u l-pajjiż taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, billi ppromwovew u żviluppaw rabtiet u relazzjonijiet kummerċjali u ta’ negozju bejn Malta u t-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, u bejn negozjanti Maltin u negozjanti oħra li qed joperaw f’dawn it-territorji u billi taw assistenza u għajnuna lil persuni Maltin f’diffikultà meta dawn kienu jinsabu fit-territorji msemmija. B’hekk huma kisbu bil-ħaqq kollu r-rispett u l-gratitudni tal-Poplu tal-Gżejjer Maltin. 

Li tkun il-President ta’ Malta huwa ta’ ġieħ kbir, u daqstant ieħor huwa ta’ ġieħ kbir għalija li qiegħed hawn biex nilqagħkom u nixtiqilkom kull riżq u hena.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow