KONFERENZA TA’ L-NCPE: GENDER MAINSTREAMING – THE WAY FORWARD
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat konferenza finali bħala parti mill-proġett tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) bl-isem ‘Gender Mainstreaming – the way forward’ nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Settembru.
L-Onorevoli Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, wriet is-soddisfazzjon tagħha għal fatt li s-suġġett ta’ Gender Mainstreaming tqiegħed fiċ-ċentru tad-diskors ta’ aktar parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol. “Dan il-Gvern ilu jaħdem bis-sħih mis-sena 2000 biex jiġi mplimentat il-kunċett ta’ Gender Mainstreaming. Eżempju li nistgħu nsemmgħu huwa x-xogħol li qed isir fir-reviżjoni ta’ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, b’mod partikolari r-reviżjoni tas-sistema ta’ l-assigurazzjoni nazzjonali għall-ħaddiema part-time, u t-tidbil fl-income tax. Għandi l-pjaċir ngħid li l-Ufficcu tal-Prim Ministru qabel li pilot project ta’ teleworking li sar flimkien ma’ l-iStaff Development Organsation kien suċċess u għandu jitkompla u jinfirex. Fuq din in-nota pożittiva, nixtieq insemmi wkoll ir-rapport li sar is-sena l-oħra mill-Management Efficiency Unit ta’ l-OPM dwar Family Friendly Measures. Wara konsultazzjoni ma’ l-istakeholders konċernati, ġie deċiz dan l-aħħar li l-miżuri proposti f’dan ir-rapport għandhom jiġu introdotti, u l-ewwel miżura għandha tkun dik tat-teleworking għaċ-ċivil.
Dan minbarra miżuri oħrajn, bħal flexitime li ġie introdott għax-xhur tas-sajf f’ċerti uffiċċji taċ-ċivil, u li ser ikomplu. Ma nistax ma nsemmix ukoll il-benefiċċju li qed nieħdu bħala Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea, meta din il-konferenza stess hija parti minn proġett Ewropew. Fil-fatt, flimkien max-xogħol li qed isir mill-Gvern Malti u diversi għaqdiet u entitajiet lokali, il-proġetti ta’ l-ESF u l-EQUAL qed iservu bħala għodda siewja biex jiġu ndividwati u ndirizzati bis-sħiħ l-ostakli li jistgħu jeżistu,” kompliet il-Ministru Cristina. Fakkret ukoll fin-nomina reċenti ta’ żewġ nisa bħala mħallfin, deċiżjoni li żġur issaħħaħ il-kunċett ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ decision making. “Kburija ngħalaq billi ngħid li l-politika dwar is-sexual harassment li ġiet introdotta minn entitatjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi issa qiegħda sservi ta’ mudell għall-dipartimenti oħra tal-Gvern,” temmet tgħid il-Ministru Cristina.
Il-Kummissarju tal-NCPE, Dr. Janet Mifsud, fl-introduzzjoni tagħha sostniet li “l-għan tal-proġett kien biex dawk kollha li huma imsieħba fil-proċess tax-xogħol f’Malta, jindunaw bil-benefiċċji li għandhom igawdu minnhom l-azjendi tagħhom, jekk idaħħlu aktar faċilitajiet favur il-familja fil-post tax-xogħol, u li dawn jissarfu f’aktar produttività, jħajru lill-aktar nisa li jibqgħu jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkollhom aktar ċans għal taħrig.’ Fl-egħluq id-diskors tagħha, Dr Mifsud qalet li “f’dawn l-aħħar sentejn u nofs li l-NCPE ilha mwaqqfa, zgur li l-għan biex jissaħħaħ il-ħsieb dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’Malta għamel passi kbar ’il quddiem, biex inkunu ndaqs mingħajr ma nkunu l-istess”.
Minkejja li kienet esperjenza ġdida għall-NCPE, id-Direttur Eżekutiv Sina Bugeja esprimiet kliem ta’ suċċess għal dan il-proġett, li minnu jieħdu l’almu sabiex jippjanaw oħrajn, kif fil-fatt qed jagħmlu. Kienet esperjenza ġdida għall-Kummissjoni, esperjenza li għalmithom ħafna. Bugeja sostniet li issa li għandna l-informazzjoni f’idejna, jibqa biss il-pass lejn it-titjib fiċ-ċirkostanzi. Id-direttur tal-NCPE qalet, “Dan huwa żmien interesanti ħafna, żmien ta’ bidla u ta’ tiġdid”. Fl-għeluq tad-diskors tagħha Sina Bugeja kompliet issostni li tħossa kburija li hi, flimkien mat-team tagħha, hi waħda mill-imgħażel tar-rota jew skaluna tas-sellum li qed tieħu lil Malta ’l quddiem.
Il-kunċett ta’ Gender Mainstreaming ifisser l-integrazzjoni tal-perspettivi taż-żewġ sessi f’kull organizzazzjoni u fis-servizzi li jingħataw lill-pubbliku. Dan sostnietu Dr. Roberta Lepre, il-Gender Liason Officer tal-NCPE. Dan il-prinċipju ġie implimentat mill-Gvern Malti mis-sena 2000. Madankollu, l-effetti tiegħu s’issa kienu kemmxejn limitati. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gender Mainstreaming ingħata impetu ġdid. Matul dan il-proġett, l-NCPE fost affarijiet oħra, allokat riżorsi adegwati għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni ta’ inizjattivi ta’ gender mainstreaming fis-Servizz Pubbliku Malti. Il-preżentazzjoni, li tista titniżżel mill-website www.equality.gov.mt, turi uħud mill-aktar prattiċi tajbin li ġew addottati waqt li kien qed isir dan il-proġett, bil-għan li dawn jiġu replikati fid-dipartimenti u entitajiet varji.
Fl-aħħar tal-konferenza tqassam id-dokument bl-erba’ partijiet tar-riċerka:
Miżuri favur il-Familja fuq il-post tax-xogħol;
Għażliet fil-karriera tal-Gradwati;
Gender Pay Review;
Proġett Pilota dwar Teleworking.
Dan id-dokument, bir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju, jista’ jinġabar mill-uffiċju tal-NCPE, 2, Triq il-Kavalier, Il-Belt Valletta bejn id-disgħa ta’ filgħodu w is-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958