IMĦABBAR IL-PROGRAMM TAL-JUM DINJI TA’ L-IKEL 2006.
“Il-jum dinji ta’ l-ikel din is-sena ser jingħata dehra differenti minn tas-soltu. Dan għaliex irridu ngħatu mportanza iktar lill-ikel li aħna sirna wisq neħduh for granted”. Dan qalu Dr Francis Agius, is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Biedja u Sajd, meta dalgħodu ħabbar il-programm għal Jum Dinji ta’ l-Ikel li ser jiġi ċelebrat fl-Isla nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru bejn it-8.00 a.m. u nofsinhar. It-tema magħżula mill-Organizzazzjoni ghall-Ikel u l-Biedja (FAO) fi ħdan il-Ġnus Magħquda, għal din is-sena hi, “Ninvestu fl-Agrikoltura għall-ħarsien ta’ l-Ikel”.
Dr Agius qal li l-Bdiewa, r-Raħħala u s-Sajjieda jipprovdu l-ikel, il-proċessuri iħaddmu numru sostanzjali ta’ ħaddiema u t-tielet settur li l-Gvern hu responsabbli minnu wkoll huma l-konsumaturi. Għalhekk intgħazlet il-Belt ta’ l-Isla.
Is-sena l-oħra, l-Ministeru għamel il-kampanja edukattiva “agħzel il-frisk, agħzel lokali” u nistgħu ngħidu li din ħalliet il-frott mistenni. Din is-sena ser inkomplu nqarrbu s-settur tal-Biedja u tas-Sajd lejn il-poplu biex napprezzaw il-ħidma ta’ dawn il-persuni li jagħtuna ikel frisk kuljum.
Il-Programm ser ikun vast u li ser nippruvaw inlaqqghu il-folklor flimkien mal-ħidma tal-passat u tal-prezent.
Il-Programm ser ikun jinkludi dan li ġej:
0800 Tibda il-wirja ta’ Frott, Ħaxix u Ħut fejn il-pubbliku jista’ jixtri minn dawn il-prodotti wkoll
08.45 Tibda il-Kompetizzjoni tal-ħlib ta’ nagħag u mogħoz
08.55 Tluq tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija minn fuq San Pawl Bormla
09.10 Wasla tal-Banda quddiem il-Knisja ta’ l-Isla
09.15 Quddiesa Pontifikali minn Mons Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-Bażilika ta’ l-Isla
10.30 Tberik ta’ l-Annimali mill-Arċipriet ta’l-Isla fi Pjazza Mitrovich
11.00 Tluq tal-Parata ta’ żwiemel armati b’karettuni antiki minn ħdejn il-Monument tal-Ħelsien il-Birgu sal-pjazza ta’ l-Isla
11.15 Tluq tal-Banda tal-Forzi Armati minn ħdejn San Filippu, l-Isla, sa ħdejn il-Knisja ta’ l-Isla.
11.20 Wasla tal-Banda tal-Forzi Armati quddiem il-Knisja
11.30 Wasla tal-Parata taż-żwiemel fit-telgħa ta’ qabel il-Knisja
11.31 Diskorsi ta’ l-okkazjoni
11.45 Tqassim tal-Medalji lil Bdiewa Raħħala u Sajjieda u lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni u rikordju lil dawk kollha li jkunu ħadu sehem
12.00 Il-Banda tal-Forzi Armati ddoqq l-Innu Malti - Tmiem
Dr Agius qal ukoll li ser ikun hemm ukoll stands mill-għassara ta’ l-inbid li ser ikunu qed jippromwovu l-inbid Malti. Ir-raħħala ser ikollhom stands minn fejn ser jinbiegħ il-ħalib, kif ukoll wirja ta’ għodod antiki. Ser ikun hemm ukoll l-għassara taż-żebbuġ ukoll li ser ibiegħu iż-żejt taż-żebbuġa Maltija, kif ukoll chef Malti li ser ikun qiegħed isajjar l-ikel tradizzjonali Malti biex inkomplu nippromwovu id-dieta mediterranja.
Dr Agius irringrazzja lill Malta Tourisim Authority li ser ittella reinactment ta’ Suq Medjevali (Medivial Market) kif ukoll irringrazzja lill Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, talli taw il-permessi meħtiega biex iż-żewġ baned flimkien mal-Kavallerija tal-Pulizija jieħdu sehem f’din l-okkazjoni.
“Dawn huma ftit minn dak li l-Bdiewa, ir-Raħħala u Sajjieda ser jorganizzaw biex aħna lkoll napprezzaw il-ħidma tagħhom. Għalhekk inħeġġeġ il-polu Malti u Għawdxi biex jattendi”, temm jgħid Dr Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958