LANĊA TA’ L-IRMONK ĠDIDA GĦALL-KUMPANIJA TUG MALTA
Il-Ministru għall-Industrija, Investimenti u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Austin Gatt il-bieraħ ippresieda ghall-inawgurazzjoni u l-kummissjonar ta’ lanċa ta’ l-irmonk ġdida tal-kumpanija Tug Malta. Huwa spjega li din l-okkażjoni mportanti qed issir f’mument kruċjali għall-kumpanija Tug Malta. Dan għaliex ingħata bidu għall-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-istess kumpanija. Fil-fatt saret Sejħa għall-Interess li kienet ippublikata fl-10 ta’ Settembru. Din is-sejħa ser tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ dan ix-xahar.
Il-kummissjonar ta’ din il-lanċa sar ftit xhur wara li lanċa oħra ġdida bl-isem Pawlina (imsemmija għal San Pawl, il-patrun tan-naħa tal-Belt tal-Port il-Kbir), u issemmiet Wenzina għal San Lawrenz, il-patrun ta’ tan-naħa tal-Birgu tal-Port il-Kbir.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-proċess ta’ privatizzazzjoni hu żvilupp naturali għat-Tug Malta. L-irmonk kien f’idejn il-privat sa l-1980 meta kien nazzjonalizzat. Sa l-aħħar tas-snin tmenin, ix-xogħol ta’ l-irmonk kollu kien isir fil-Port il-Kbir u l-flotta kienet kollha hawn. Meta beda l-Port Ħieles kien hemm bżonn ta’ investiment f’bastimenti tal-irmonk (tugs) ġodda u t-Tug Malta wżat il-fondi tagħha biex xtrat il-Vitorin u l-Grez. Issa wasal iż-żmien għal espansjoni f’attivitajiet ġodda li jinkludu operazzjonijiet ta’ salvataġġ internazzjonali u l-irmonk f’portijiet fir-reġjun.
Biex il-kumpanija tespandi aktar, hemm bżonn investiment akbar b’riskju li għall-bidu kien sostanzjali. Il-Gvern jippreferi ma jieħux dan ir-riskju b’fondi pubbliċi u minflok jattira l-investiment privat.
Il-privatizzazzjoni hija wkoll imnebbħa mit-twemmin tal-Gvern li fejn m’hemmx bżonn jindaħal hu, l-ekonomija titmexxa mill-privat. Il-privatizzazzjoni hi opportunità biex jittejjeb il-livell ta’ kompetenza u servizz, u allura l-kompetittività ta’ Malta. Dan niksbuh billi ma nattirawx sempliċi investiment: iżda investiment strateġiku. Il-Ministru Austin Gatt qal li m’aħniex interessati f’xi ħadd li jrid iżomm l-affarijiet kif inhuma u jpoġġi fuq il-qliegħ. “Irridu ‘l xi ħadd li jrid ikabbar ‘il din l-ażjenda f’fus għar-reġjun tal-Mediterran.”
Il-Ministru Gatt fisser kif il-kumpanija Tug Malta qed tirnexxi. Minn telf fl-2004, fl-2005 irreġistrat qliegħ ta’ Lm671,000 u din is-sena se żżomm l-istess livelli. Minn dan felħet tiffinanzja l-investiment li għamlet s’issa.
Il-Ministru Austin Gatt tenna li jemmen li t-Tug Malta tista’ tkun fus marittimu fil-Mediterran u tkun ħolqa oħra fit-titjib ta’ l-attrazzjoni u l-kompetittività reġjonali tal-portijiet Maltin bħal m’huma s-servizzi ġodda tat-Tarzna u l-Freeport privatizzat u li għaddej minn proċess t’espansjoni.
Il-lanċa ta’ l-irmonk ġiet mgħammda mis-Sinjura Marisa Gatt, mart il-Ministru Austin Gatt, filwaqt li tbierket mill-Kanonku Joe Caruana, Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu.
Id-diskors tac-Chairman tal-kumpanija John E. Sullivan huwa mehmuż.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958