Left arrow Go Back

MIEXI ĠMIELU X-XOGĦOL FUQ IS-SIT TAL-‘PARK AND RIDE’ FIL-BLATA L-BAJDA

PR1259
Date Icon 19/09/2006

Ix-xogħol fuq is-sit minn fejn ser tibda topera l-iskema tal-Park and Ride qabad ritmu mexxej, hekk kif fil-ġimgħat li għaddew tlesta t-tindif ta’ Crown Works Ditch  u Horn Works Ditch. 

Waqt żjara li għamel fis-sit fil-Blata l-Bajda, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li x-xogħol miexi skond l-iskeda sabiex il-Park and Ride ikun jista’ jibda jopera matul ix-xahar id-dieħel. 

“L-iżvilupp ta’ dan is-sit huwa ħolqa kruċjali biex jitwettaq il-pjan tal-Gvern sabiex il-Belt Valletta issir aktar aċċessibbli għal kulħadd,” qal il-Ministru Mugliett. 

Huwa spjega li, bħal ma kien tħabbar f’Lulju, il-Park and Ride ser jitħaddem mill-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) u ser ikun qed jopera b’xejn sabiex jagħmel l-għażla li wieħed ma jidħolx il-Belt bil-vettura tiegħu, iktar attrajenti. 

“Ix-xogħol li qed naraw illum huwa parti minn dak li qed isir madwar is-sit kollu sabiex dan jitlesta għall-użu bħala parkeġġ. Il-kuntratt b’valur ta’ madwar Lm250,000 jkopri ix-xogħlijiet ċivili kollha fosthom il-bini ta’ bankini, kurduni, tqegħid ta’ pajpijiet għas-servizzi varji, kif ukoll l-asfaltar tal-wiċċ. Ma’ dawn iridu jiżdiedu l-ispejjeż li laħħqu il-Lm15,000 biex is-sit tnaddaf mit-terrapien kollu li ntefa’ fih abbużivament fl-aħħar snin, kif ukoll biex twaqqgħu strutturi li hemm madwar is-sit li m’għandhom ebda valur storiku u li kienu nbnew mal-fortifikazzjonijiet. 

“B’kollox tneħħew mat-12,600 tunellata ta’ skart u materjal ta’ kostruzzjoni – ekwivalenti għal kważi 670 vjaġġ ta’ trakk,” qal il-Ministru. 

Hu żied jgħid li meta wieħed jikkunsidra il-Lm140,000 li ntużaw biex jittejbu t-tliet junctions li ser jibdew jintużaw biex wieħed jidħol fil-Park and Ride, l-investiment li mar f’dan il-proġett jiżboq l-Lm400,000. 

Mat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali jkun għad fadal xogħlijiet ulterjuri minuri xi jsiru, fosthom l-upgrading ta’ binjiet eżistenti li ser ikunu qed jintużaw bħala uffiċini għall-amministrazzjoni u jinżebgħu il-line markings. L-Enemalta u l-Environemental Landscapes Consortium ser ikunu qed jieħdu ħsieb id-dawl u l-landscaping tas-sit kollu rispettivament. 

Intant, l-Awtorità dwar it-Trasport aktar kmieni dan ix-xahar ħarġet sejħa għall-interess għall-installazzjoni u manutenzjoni tal-ħames shuttle bus stops u shelters li ser ikun hemm mifruxin madwar Crownworks u Hornworks. 

Għaddejjin ukoll taħdidiet ma’ l-operaturi li ntgħażlu biex iħaddmu is-servizz tax-shuttle buses lejn il-Belt Valletta għall-ewwel ftit xhur li tkun qed titħaddem l-iskema tal-Park and Ride. Dan l-element eventwalement ukoll ser jibda jkun operat direttament mill-ADT. 

Fi tmiem iż-żjara fuq is-sit, il-ġurnalisti preżenti ttieħdu biex jaraw ir-rotta li ser ikunu qed jgħaddu minnha ix-shuttle buses bejn il-Blata l-Bajda u s-sit tat-Teatru Rjali fil-Belt Valletta. Tqassam ukoll fuljett li ser ikun qed jitqassam mill-Awtorità dwar it-Trasport dwar mistoqsijiet komuni li l-pubbliku jista’ jkollu dwar il-Park and Ride, fosthom il-frekwenza tax-shuttle buses f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. 

Il-Park and Ride ser ikun miftuh 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa u ser ikun jiflaħ mad-950 vettura. 

Is-servizz tax-shuttle buses ser jitħaddem mis-sitta ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ filgħodu. L-istennija massima għal shuttle bus waqt il-peak hours ser tkun ta’ 4-5 minuti. L-istennija massima fil-ħinijiet l-oħra kollha ser tkun ta’ 10 minuti. Rotot speċjali ser ikunu qed joperaw wara d-disgħa ta’ filgħaxija.  

F’kelmtejn ta’ l-aħħar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq wera ruħu fiduċjuż li l-iskema Park and Ride ser ikun popolari mal-pubbliku, indipendentement mit-tħaddim tas-sistema ta’ aċċess kontrollat għall-vetturi fil-Belt Valletta. 

“Mhux biss ser inkunu qed noffru parkeġġ aċċessibbli u b’xejn għal kulħadd, iżda kulħadd ser ikun jista’ igawdi wkoll belt kapitali b’inqas traffiku, anqas tniġġiż  ta’ l-arja u ambjent ġenerali aħjar,” temm jgħid il-Ministru. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow