STAĠUN TA’ ATTIVITA’ KBIRA MILL-ORKESTRA NAZZJONALI
“L-istaġun 2006/2007 ser jkun għall-Orkestra Nazzjonali staġun ieħor ta’ attivita’ qawwija maħsuba biex tolqot il-pubbliku kollu u tikkontribwixxi biex il-poplu Malti jsir aktar konxju mill-mużika li hi parti mportanti mill-kultura nazzjonali.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech meta nieda l-istaġun 2006/2007 ta’ l-Orkestra Nazzjonali waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-kwartieri ta’ l-Orkestra Nazzjonali fil-belt Valletta.
Matul l-2006/07 l-Orkestra Nazzjonali ser tkompli torganizza kunċerti kbar bħal kunċert ta’ Jum l-Indipendenza; l-iState Concert li jospita l-President ta’ Malta; żewġ kunċerti nazzjonali f’Malta u kunċert tal-Milied f’Għawdex, li jittellgħu f’Diċembru; il-Kunċert ta’ l-Epifanija; il-Grand Concert fiċ-Ċentru tal-Konferenzi; u l-EU Celebration Concert. L-Orkestra Nazzjonali ser ittella’ wkoll Grand Concert fit-Teatro Rossini, f’Pesaro l-Italja.
L-Orkestra Nazzjonali ser tipparteċipa fil-Festival ta’ l-Opra li jsir f’Marzu fit-Teatru Manoel; ser tieħu parti f’kunċerti u fi produzzjoni flimkien mat-Teatru Manoel f’Jannar, Frar u Mejju tas-sena d-dieħla; u fil-Victoria Arts Festival f’Għawdex f’Lulju 2007.
L-Orkestra Nazzjonali ser tipparteċipa wkoll f’numru ta’ avvenimenti li jfakkru kompożituri lokali u barranin. Dan ix-xahar ser jittella’ kunċert li jfakkar iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Shostakovich; f’Novembru ser jitfakkar il-kompożitur Malti Paolo Vassallo, filwaqt li f’Mejju tas-sena d-dieħla ser jtella’ kunċert f’ġieħ Charles Camilleri, kompożitur ieħor Malti.
L-Orkestra Nazzjonali ser tieħu sehem ukoll fil-Ħames Edizzjoni tal-‘Mediterranean Festival 2006’ ix-xahar id-dieħel; fil-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Ġunju 2007 u ser ittella’ ir-Requiem ta’ Verdi fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran f’Novembru 2007.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-ħidma ta’ l-Orkestra Nazzjonali hi waħda vasta u li qed tinfirex biex tkopri dejjem lis-soċjeta’ Maltija kollha. Hu qal li l-idea li kull sena jkun organizzat l-avveniment “The National Orchestra GOES POP” niżlet tajjeb ħafna maż-żgħażagħ u għenet biex iż-żgħażagħ Maltin, permezz ta’ din l-attivita’, jsiru aktar konxji mis-sbuħija tal-mużika. Hu qal li dan kien mgħejjun ukoll mit-tnedija ta’ l-Orkestra Nazzjonali għaż-Żgħażagħ f’Diċembru 2004.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali kienet qed isservi ta’ kalamita biex tikber l-imħabba lejn il-mużika. Hu qal li f’dan ir-rigward l-inċentivi li addotta l-Bord tad-Diretturi fejn studenti u anzjani qed jingħataw skont ta’ 50 fil-mija fil-kunċerti kollha organizzati mill-Orkestra Nazzjonali, hu pass fid-direzzjoni t-tajba u ta’ min jinkoraggieħ.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura tagħna kienet ta’ kontribut kbir biex pajjiżna kiseb is-sovranita’ li nfakkru kull sena f’Jum l-Indipendenza. Hu qal li kien għalhekk ta’ min ifaħħar l-inizjattivi li qed tieħu l-Orkestra Nazzjonali biex tagħti ġieħ lil kompożituri ewlenin Maltin bħal Paolino Vassallo u Charles Camilleri.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958