Left arrow Go Back

SAJJIEDA JIBBENEFIKAW MINN PROĠETT TA’ €2 MILJUN GĦALL-MANUTENZJONI TAD-DGĦAJJES

PR1251
Date Icon 15/09/2006

Sal-bidu tas-sena d-dieħla s-sajjieda Maltin se jkunu qed jibbenefikaw mill-proġett ta’ hard standing facility f’Marsaxlokk li l-iskop tiegħu huwa li jiffaċilita l-ħajja ta’ l-istess sajjieda, li kull sena jeħtiġilhom jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti  tas-sajd tagħhom.

Il-proġett, fil-Ponta tal-Qrejten ta’ Marsaxlokk u li se jiswa madwar €2 miljun, se jkun jikkonsisti f’reklamazzjoni tal-baħar biex jiġi rranġat is-sit fejn qed tinbena l-faċilità u x-xiri ta’ żewġ krejnijiet biex itellgħu l-bastimenti fuq l-art mingħajr tbatija għas-sajjieda. B’kollox is-sit jippermetti li fuq l-art jista’ jkun hemm sa żewġ fillieri ta’ bastimenti kbar, jiġifieri madwar 16-il bastiment ta’ 22 metru, fl-istess ħin, fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni fuqhom, huma stess.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd Frans Agius, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Joanna Drake u uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd, żaru x-xogħlijiet liqed isiru, qal li “dan kollu jikkonferma l-impenn tal-Gvern fis-settur lokali tas-sajd biex sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu kompetittivi ma’ sħabhom l-oħra Ewropej u biex il-qasam tas-sajd ikun iktar sostenibbli.”

Dr Tony Gruppetta, uffiċjal għoli fid-Dipartiment tas-Sajd. Qal li “s’issa, ġo Marsaxlokk u madwar il-kosta ta’ Malta, ma kienx hawn spazju biżżejjed u faċilitajiet biex laneċ ta’ ċertu daqs jittellgħu l-art. Għaldaqstant, għal numru ta’ laneċ tas-sajd, speċjalment il-kbar nett, kien iktar konvenjenti u irħas li jmorru Sqallija milli jiġbdu l-bastimenti tagħhom f’xi shipyard kummerċjali f’Malta. Ir-raġuni hi li meta s-sajjieda jiġbdu l-bastiment, dawn jisfaw bla xogħol u għalhekk jagħmel sens li la ma jkollhomx x’jagħmlu, jixkatlaw u jiżbgħu l-bastiment tagħhom huma stess. Dan ifisser li jnaqqsu l-ispiża tal-manutenzjoni tal-bastimenti tagħhom.”

“Meta wieħed iqis li l-bastimenti ta’ l-injam jinġibdu darbtejn fis-sena u dawk tal-ħadid jew fiberglassjinġibdu darba fis-sena biex jinxfu, jinbarxu, jissewwew u jinżebgħu, l-ispiża tal-manutenzjoni tista’ tkun għolja,” qal Dr Gruppetta.

Sa 75% tal-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Financial Instrument for Fisheries Guidance (FIFG) u 25% mill-Gvern Malti.

Ix-xogħol huwa maqsum fi tnejn:

a) Tender wieħed jinvolvi l-kostruzzjoni tal-pjan wara r-reklamazzjoni tal-baħar.  Dan il-pjan huwa ta’ 6,500 metru kwadru u x-xogħol fuqu mistenni jieħu tliet xhur.

b) It-tender l-ieħor huwa għax-xiri ta’ żewġ krejnijiet speċjali biex jerfgħu l-bastimenti.  Wieħed minn dawn, li jerfa’ dgħajjes pjuttost żgħar u mdaqqsin sa 40 tunnellata ta’ piż, jista’ jitniżżel fl-ilma, tidħol id-dgħajsa fih u jitla’ b’kollox minn fuq waħda mis-slipways eżistenti. Il-krejn l-ieħor jerfa’ bastimenti kbar, sa piż ta’ 260 tunnellata.  Għal dan il-krejn, il-proġett jinkludi żewġ mollijiet imbegħdin 9 metri biex il-krejn jerfa’ d-dgħajsa minn bejniethom.  Dawn il-krejnijiet għandhom jaslu fl-aħħar ta’ Novembru li ġej u f’Jannar tas-sena d-dieħla.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow