Left arrow Mur Lura

IMNIEDI L-‘BUSINESS PLAN’ TA’ HERITAGE MALTA GĦAT-TLIET SNIN LI ĠEJJIN

PR1249
Date Icon 15/09/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li t-twaqqif ta’ Heritage Malta, li ħareġ mill-Att dwar il-Wirt Kulturali tal-2002, kien żiffa ta’ arja friska għall-wirt kulturali u storiku Malti. Hu qal li permezz ta’ Heritage Malta llum għandna  l-qafas li fih il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jista’ jiġi mħares, konservat, immaniġġjat u restawrat biex jitgawda aktar u aħjar, mill-Maltin u l-barranin li jżuruna.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, li kien preżenti waqt it-tnedija tal-‘Heritage Malta Business Plan’ għat-tliet snin li ġejjin, fakkar li dan  kien it-tieni pjan li kienet qed tniedi Heritage Malta. Hu qal li l-ewwel ‘business plan’ iffoka fuq li l-aġenzija Heritage Malta tissaħħaħ billi ittejjeb ir-risorsi interni, timmotiva l-ħaddiema tagħha u tikkonsolida l-qagħda tagħha internament u esternament. Hu qal li fit-tliet snin li ġejjin Heritage Malta se tkompli taħdem biex issaħħaħ l-istrutturi tagħha u ser tirdoppja l-isforzi tagħha biex tissalvagwarda r-risorsi kulturali u timmaniġġjahom b’mod strateġiku. Hu qal li dan ser tagħmlu billi tidħol f’alleanzi strateġiċi ma’ organizazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u tagħmel l-aħjar użu mill-assi tagħha biex tiġġenera aktar dħul li jiġi nvestit lura f’dan is-settur. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-ħidma tagħha Heritage Malta qed tagħmel minn kollox biex il-poplu Malti jsir aktar konxju tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li dan jitwettaq billi qed tittejjeb l-aċċessibilita’ u l-interpretazzjoni fil-mużewijiet, siti arkeoloġiċi u storiċi, kif ukoll  kollezzjonijiet li tamministra Heritage Malta.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li minn mindu twaqqfet Heritage Malta ħadet ukoll f’idejha ċ-Ċentru tar-Restawr ta’ Malta f’Bighi. Hu qal li b’hekk żdiedet is-sinerġija fil-konservazzjoni tal-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.  Hu qal li Heritage Malta tmexxi wkoll l-‘Institute of Conservation and Management of Cultural Heritage’ li joffri korsijiet inklużi dawk li jwasslu għal gradi mill-Universita’ ta’ Malta kif ukoll kwalifiċi vokazzjonali b’kollaborazzjoni mal-MCAST. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-aħħar tliet snin Heritage Malta implimentat diversi proġetti kapitali bl-iskop li ttejjeb l-aċċessibilita’ u tgħolli l-livell ta’ interpretazzjoni tal-mużewijiet u s-siti storiċi ta’ pajjiżna. Hu qal li l-akbar proġett li twettaq fl-aħħar tliet snin kien dak tar-restawr u r-ristrutturar tad-Domus Romana li kien inawgurat fi Frar tas-sena l-oħra.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li Heritage Malta kien qed jaħdem mas-settur privat biex itejjeb l-aċċessibilita’ u l-interpretazzjoni fil-mużewijiet u s-siti storiċi tal-pajjiżna. Hu qal li l-miri li għandha Heritage Malta jinkludu:

o      It-twettiq tal-proġett ta’ ċentru għall-viżitaturi fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Bank of Valletta Ltd.

o      Il-preparazzjoni ta’ pjani  għall-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti b’kollaborazzjoni mal-HSBC.

o      Pjani ma’ Wirtna għall-ftuħ ta’ aktar ħwienet inkluż dak fil-Palazz ta’ l-Inkwizituur kif ukoll ħwienet temporanji f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra, il-Ġgantija u siti oħra li dwarhom ikun hemm ftehim.

o       It-tnedija tal-‘Vilhena Café Project’ fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali.

o      Ħidma preparatorja għat-tnedija ta’ ‘public private partnership’ għall-konservazzjoni u għal faċilitajiet fil-Fortizza ta’ Delimara.

o      Il-finalizzazzjoni ta’ ftehim mal-Kunsill Lokali Munxar, Għawdex għall-operazzjoni flimkien tal-Mitħna tad-Dqiq fix-Xlendi.

o       Il-konkluzzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ma’ Din l-Art Ħelwa dwar l-Abbatija tad-Dejr.

o      Il-konkluzzjoni tal-ftehim mal-konsorzju VISET dwar inizjattiva flimkien ma’ Heritage Malta u azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dak miftiehem bejn iż-żewġ partijiet. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Heritage Malta kienet se twettaq diversi  proġetti. Dawn jinkludi xogħlijiet fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu Malti, il-Palazz Verdala, il-katakombi ta’ Bistra, is-Swali Statali fil-Palazz Presidenzjali, l-Armerija fil-Palazz Presidenzjali, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija, il-Katakombi ta’ San Pawl, Għar Dalam, Xjenza Naturali f’Għawdex, il-Mitħna Ta’ Kola f’Għawdex, il-proġett Aurora għall-arkeoloġija taħt il-baħar fil-bajja tax-Xlendi u x-Xagħra Stone Circle.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea fetaħ opportunitajiet ġodda għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna billi nistgħu nutilizzaw fondi mill-UE. Hu qal li l-akbar proġett li se jitwettaq permezz ta’ dawn il-fondi hu dak ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fejn ser ikun  hemm ċentru għall-viżitaturi u anke proġett biex dawn it-tempji jitgħattew ħalli ma ssirilhomx aktar ħsara mill-elementi. Hu qal li proġetti oħra li mistennija jitwettqu minn  dawn il-fondi huma dak ta’ ċentru tal-viżitaturi fit-tempji tal-Ġgantija, it-tieni fażi ta’ konservazzjoni u refurbishment tad-Domus Romana, il-banjijiet Rumani f’Għajn Tuffieħa, San Pawl Milqi, il-Palazz Vilhena, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti, il-Mużew nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija u s-Swali Statali fil-Palazz Presidenzjali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna hu mogħni b’wirt storiku u kulturali li kien iħabattaha ma’ dak ta’ fost l-aqwa tad-dinja. Dan kien ipoġġi fuq il-Gvern u l-poplu Malti kollha responsabbilita’ kbira, lejna u lejn id-dinja peress li għandna diversi siti li huma wirt dinji.  

Hu qal li it-twaqqif ta’ Heritage Malta wassal biex nistgħu nwettqu aħjar din il-missjoni. Hu qal li kien jemmen li Heritage Malta llum mhux biss hi l-aġenzija li ġabret flimkien it-tmexxija tal-mużewijiet u s-siti storiċi u arkeoloġiċi ta’ pajjiżna iżda hi wkoll il-katalist għal dak kollu li jtejjeb il-konservazzjoni, ir-restawr, l-istħarriġ u t-taħriġ ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur hekk importanti għall-identita’ ta’ pajjiżna u għat-tisħiħ tas-settur turistiku. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow