IMNIEDI L-‘BUSINESS PLAN’ TA’ HERITAGE MALTA GĦAT-TLIET SNIN LI ĠEJJIN
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li t-twaqqif ta’ Heritage Malta, li ħareġ mill-Att dwar il-Wirt Kulturali tal-2002, kien żiffa ta’ arja friska għall-wirt kulturali u storiku Malti. Hu qal li permezz ta’ Heritage Malta llum għandna l-qafas li fih il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jista’ jiġi mħares, konservat, immaniġġjat u restawrat biex jitgawda aktar u aħjar, mill-Maltin u l-barranin li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, li kien preżenti waqt it-tnedija tal-‘Heritage Malta Business Plan’ għat-tliet snin li ġejjin, fakkar li dan kien it-tieni pjan li kienet qed tniedi Heritage Malta. Hu qal li l-ewwel ‘business plan’ iffoka fuq li l-aġenzija Heritage Malta tissaħħaħ billi ittejjeb ir-risorsi interni, timmotiva l-ħaddiema tagħha u tikkonsolida l-qagħda tagħha internament u esternament. Hu qal li fit-tliet snin li ġejjin Heritage Malta se tkompli taħdem biex issaħħaħ l-istrutturi tagħha u ser tirdoppja l-isforzi tagħha biex tissalvagwarda r-risorsi kulturali u timmaniġġjahom b’mod strateġiku. Hu qal li dan ser tagħmlu billi tidħol f’alleanzi strateġiċi ma’ organizazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u tagħmel l-aħjar użu mill-assi tagħha biex tiġġenera aktar dħul li jiġi nvestit lura f’dan is-settur.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-ħidma tagħha Heritage Malta qed tagħmel minn kollox biex il-poplu Malti jsir aktar konxju tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li dan jitwettaq billi qed tittejjeb l-aċċessibilita’ u l-interpretazzjoni fil-mużewijiet, siti arkeoloġiċi u storiċi, kif ukoll kollezzjonijiet li tamministra Heritage Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li minn mindu twaqqfet Heritage Malta ħadet ukoll f’idejha ċ-Ċentru tar-Restawr ta’ Malta f’Bighi. Hu qal li b’hekk żdiedet is-sinerġija fil-konservazzjoni tal-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Hu qal li Heritage Malta tmexxi wkoll l-‘Institute of Conservation and Management of Cultural Heritage’ li joffri korsijiet inklużi dawk li jwasslu għal gradi mill-Universita’ ta’ Malta kif ukoll kwalifiċi vokazzjonali b’kollaborazzjoni mal-MCAST.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-aħħar tliet snin Heritage Malta implimentat diversi proġetti kapitali bl-iskop li ttejjeb l-aċċessibilita’ u tgħolli l-livell ta’ interpretazzjoni tal-mużewijiet u s-siti storiċi ta’ pajjiżna. Hu qal li l-akbar proġett li twettaq fl-aħħar tliet snin kien dak tar-restawr u r-ristrutturar tad-Domus Romana li kien inawgurat fi Frar tas-sena l-oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li Heritage Malta kien qed jaħdem mas-settur privat biex itejjeb l-aċċessibilita’ u l-interpretazzjoni fil-mużewijiet u s-siti storiċi tal-pajjiżna. Hu qal li l-miri li għandha Heritage Malta jinkludu:
o It-twettiq tal-proġett ta’ ċentru għall-viżitaturi fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Bank of Valletta Ltd.
o Il-preparazzjoni ta’ pjani għall-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti b’kollaborazzjoni mal-HSBC.
o Pjani ma’ Wirtna għall-ftuħ ta’ aktar ħwienet inkluż dak fil-Palazz ta’ l-Inkwizituur kif ukoll ħwienet temporanji f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra, il-Ġgantija u siti oħra li dwarhom ikun hemm ftehim.
o It-tnedija tal-‘Vilhena Café Project’ fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali.
o Ħidma preparatorja għat-tnedija ta’ ‘public private partnership’ għall-konservazzjoni u għal faċilitajiet fil-Fortizza ta’ Delimara.
o Il-finalizzazzjoni ta’ ftehim mal-Kunsill Lokali Munxar, Għawdex għall-operazzjoni flimkien tal-Mitħna tad-Dqiq fix-Xlendi.
o Il-konkluzzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ma’ Din l-Art Ħelwa dwar l-Abbatija tad-Dejr.
o Il-konkluzzjoni tal-ftehim mal-konsorzju VISET dwar inizjattiva flimkien ma’ Heritage Malta u azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dak miftiehem bejn iż-żewġ partijiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Heritage Malta kienet se twettaq diversi proġetti. Dawn jinkludi xogħlijiet fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu Malti, il-Palazz Verdala, il-katakombi ta’ Bistra, is-Swali Statali fil-Palazz Presidenzjali, l-Armerija fil-Palazz Presidenzjali, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija, il-Katakombi ta’ San Pawl, Għar Dalam, Xjenza Naturali f’Għawdex, il-Mitħna Ta’ Kola f’Għawdex, il-proġett Aurora għall-arkeoloġija taħt il-baħar fil-bajja tax-Xlendi u x-Xagħra Stone Circle.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea fetaħ opportunitajiet ġodda għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna billi nistgħu nutilizzaw fondi mill-UE. Hu qal li l-akbar proġett li se jitwettaq permezz ta’ dawn il-fondi hu dak ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fejn ser ikun hemm ċentru għall-viżitaturi u anke proġett biex dawn it-tempji jitgħattew ħalli ma ssirilhomx aktar ħsara mill-elementi. Hu qal li proġetti oħra li mistennija jitwettqu minn dawn il-fondi huma dak ta’ ċentru tal-viżitaturi fit-tempji tal-Ġgantija, it-tieni fażi ta’ konservazzjoni u refurbishment tad-Domus Romana, il-banjijiet Rumani f’Għajn Tuffieħa, San Pawl Milqi, il-Palazz Vilhena, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti, il-Mużew nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija u s-Swali Statali fil-Palazz Presidenzjali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna hu mogħni b’wirt storiku u kulturali li kien iħabattaha ma’ dak ta’ fost l-aqwa tad-dinja. Dan kien ipoġġi fuq il-Gvern u l-poplu Malti kollha responsabbilita’ kbira, lejna u lejn id-dinja peress li għandna diversi siti li huma wirt dinji.
Hu qal li it-twaqqif ta’ Heritage Malta wassal biex nistgħu nwettqu aħjar din il-missjoni. Hu qal li kien jemmen li Heritage Malta llum mhux biss hi l-aġenzija li ġabret flimkien it-tmexxija tal-mużewijiet u s-siti storiċi u arkeoloġiċi ta’ pajjiżna iżda hi wkoll il-katalist għal dak kollu li jtejjeb il-konservazzjoni, ir-restawr, l-istħarriġ u t-taħriġ ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur hekk importanti għall-identita’ ta’ pajjiżna u għat-tisħiħ tas-settur turistiku.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958