Left arrow Mur Lura

LEJL IMDAWWAL GĦALL-EWWEL DARBA F’MALTA

PR1240
Date Icon 13/09/2006

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ser jorganizza għall-ewwel darba ‘Lejl Imdawwal’, ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura li tul lejl sħiħ jingħaqdu biex joffru esperjenza unika.

Iljieli bħal din, magħrufa wkoll bħala “Notte Bianca”, jiġu organizzati b’mod regolari madwar id-dinja. Fost il-bliet li jorganizzaw iljieli simili nsibu Pariġi, Brussels, Ruma, Turin, Milan, Genova, Padova, Madrid, Riga, Helsinki, Montreal u Quebec.

Matul dan il-lejl se jkun hemm wirjiet ta’ arti, mużika, drama, skultura, żfin, film, fotografija, moda, wirjiet interattivi, sports, tours, re-enactments, stallazzjonijiet viżwali, wirjiet, bejgħ u ikel.

Il-postijiet fejn se jittellgħu dawn l-attivitajiet se jkunu l-mużewijiet, teatri, ċentri kulturali u ta’ l-arti, libreriji, knejjes, kappelli, siti storiċi, bereġ, konsulati u ambaxxati, ċinemas, pjazez, toroq, ħwienet, arcades, swieq u ħwienet tax-xorb u ta’ l-ikel.

Dan l-avveniment tħabbar waqt konferenza għall-media li saret fi “Pjazza Reġina” mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech u mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li wara s-suċċess li kellu l-Festival ta’ l-Arti li ttella’ s-sajf li għadda mill-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti, l-istess Kunsill se jtella’ ‘Lejl Imdawwal’ li se jkun avveniment ieħor li jiġbed il-folol lejn il-belt Valletta, li minbarra milli jiddevertu tul il-lejl kollu, se jkollhom l-opportunita’ li jiskopru iżjed l-istorja tal-kapitali tagħna, li m’għandiex tiġi kkunsidrata biss bħala ċentru storiku, iżda wkoll bħala ċentru politiku u residenzjali.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan l-avveniment hu maħsub li jgħaqqad lill-poplu f’manifestazzjonijiet kulturali u artistiċi, filwaqt li joffri lit-turist opportunita’ oħra li jitħallat mal-Maltin u jaqsam magħhom lejl ta’ attivitajiet u manifestazzjonijiet mill-aqwa.

Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li l-belt kapitali ta’ pajjiżna kienet wirt dinji u għalhekk kien jixraq li nħarsuha iżda li wkoll inżommuha ħajja permezz ta’ attivitajiet li kienu jiġbdu lejhom il-folol tal-Maltin u l-barranin.

Tonio Fenech, Segretarju Paralmentari fil-Ministeru tal-Finanzi, min-naħa tiegħu qal li l-Gvern ser jgħin ukoll permezz tal-Fond għall-Kawżi Ġusti (National Lotteries Good Causes Fund) billi ser jikkontribwixxi l-ammont ta’ Lm 7,000. Huwa l-iskop tal-Gvern li permezz ta’ dan il-Fond, jgħin fil-finanzjament ta’ proġetti kulturali bħal dawn. Tonio Fenech qal li matul din is-sena, il-Fond għall-Kawżi Ġusti diġa’ kkontribwixxa bi kwazi Lm 100,000 marbuta speċifikament ma’ proġetti kulturali minn Nofs Miljun Lira (Lm 500,000) li tqassmu s’issa.

Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech fakkar li l-ħajja fil-Belt Valletta għandha tkun riġenerata permezz ta’ attivitajiet bħal dawn. Kien għalhekk li l-Kumitat li jamministra l-Fond għall-Kawżi Ġusti rrakkomanda biex dan il-proġett jiġi megħjun finanzjarjament.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow