IL-‘KUNDANNA’ TAL-GWU M’HIX ĠUSTIFIKATA
Rapport fil-ġurnal tal-General Workers’ Union (Skema ta’ rtirar kmieni mix-xogħol: Pressjoni fuq ħaddiema ta’ l-Air Malta - “l-orizzont”) jikkwota “kelliem għall-GWU” jgħid li “l-Unjin tikkundanna” lill-maniġment ta’ l-Air Malta. Dan għax, skond dan il-kelliem, il-maniġment ta’ l-Air Malta eżerċita xi pressjoni fuq l-impjegati tiegħu biex japplikaw għall-iskema ta’ rtirar volontarju mix-xogħol qabel din tagħlaq din il-ġimgħa.
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni (bħala rappreżentant tal-Gvern li hu s-sid ta’ l-Air Malta) jiċħad kategorikament li qed issir xi pressjoni fuq il-ħaddiema ta’ l-Air Malta u jaqbel perfettament mal-kelliem tal-GWU meta dan jgħid li l-kumpanija “għandha tħalli d-deċiżjoni f’idejn l-impjegati”.
Il-Gvern iqis iżda li l-Air Malta hi obbligata li qabel l-impjegati tagħha jieħdu deċiżjoni daqshekk importanti għalihom infushom, huma jkollhom informazzjoni onesta u kompleta dwar il-prospetti veri tal-kumpanija u l-prospetti għall-impjieg tagħhom magħha.
Tkun diżonesta l-Air Malta jekk tagħti lill-impjegati tagħha informazzjoni ottimista wisq jew b’xi mod ieħor m’hux veritiera lill-ħaddiema tagħha. Tkun diżonesta wkoll l-Air Malta li kellha tħalli lill-impjegati tagħha mingħajr informazzjoni.
Il-forniment ta’ l-informazzjoni lill-ħaddiema m’hux minnu nnifsu forma ta’ pressjoni. L-impjegati kollha huma liberi jiddeċiedu jridux jieħdu din l-offerta ta’ rtirar volontarju li qed toffrilhom il-kumpanija. Kif inhu magħruf din l-offerta ma tkunx tista’ terġa’ ssir u l-ġudizzju ta’ l-impjegati jrid ikun bejn jiħdux din l-opportunità issa jew inkella jibqgħu mal-kumpanija bis-suċċessi u l-fallimenti li tista’ taffronta fis-snin li ġejjin.
Hu għalhekk li l-Ministeru jqis il-“kundanna” tal-GWU bħala li m’hix ġustifikata.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958