IR-REGATTA TAL-VITORJA 2006
Il-Kumitat Festi Nazzjonali jrid jirrikonoxxi pubblikament il-koperazzjoni kbira li kien hemm din is-sena minn dawk kollha nvoluti fir-Regatta tal-Vitorja li saret fil-Port il-Kbir nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Settembru.
Il-ħidma sfiqa ta’ kulħadd tat ir-riżultat mixtieq. B’mod speċjali irid jiġi reġistrat li din is-sena, għall-ewwel darba, l-Għaqda Regatta Nazzjonali refgħet biċċa ġmielha mill-piż tar-responsabbilta tat-tmexxija tar-Regatta.
Dan sar bi ftehim minn qabel u ġie mħabbar fil-bidu tar-Regatta qabel l-ewwel tiġrija meta s-Sur Nazju Abela, Chairman tal-Kumitat Festi Nazzjonali stqarr li s-Sur Samuel Busuttil, President ta’ l-Għaqda kien ko-responsabbli miegħu fid-deċiżjonijiet finali li kellhom jittieħdu; waqt li s-Segretarju ta’ l-Għaqda Tony Caruana mexxa l-operazzjoni minn fuq il-lanċa tad-delegati.
Għaldaqstant, il-KFN jixtieq jirringrazzja:
- L-ewwelnett lill-Ministru tat-Turiżmu u Kultura Dr. Francis Zammit Dimech li dejjem sostna lill-KFN fil-preparazzjoni għal kull Regatta u lill-Ministru Dolores Cristina, li, dak inhar tar-Regatta, bħala Aġent Ministru tat-Turiżmu ġentilment ġiet tqassam it-trofej
- Grazzi kbira u speċjali lill-Għaqda Regatta Nazzjonali li minn xhur ilu offriet il-koperazzjoni u l-għajnuna tagħha kważi f’kull pass li ttieħed sa l-aħħar minuta tar-Regatta;
- Lill-membri tal-Kummissjoni Regatta fi ħdan il-KFN u lill-judges kollha, taħt it-tmexxija taċ-Chief Judge il-Perit Anthony Abela li minkejja diffikultajiet kbar urew responsabbilta’ u dixxiplina;
- Lis-Sinjuri Remigio Bartolo u Charles Bonello mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li matul is-sajf assistew lill-KFN fid-diskussjonijiet dwar il-Port il-Kbir u l-cruiseliners;
- Lill-Korp tal-Pulizija li taħt it-tmexxija ta’ l-Assistent Kummissarju Alfred Abela għarfet iżżomm l-ordni b’effiċjenza u b’għaqal;
- Lill-Forzi Armati ta’ Malta li offrewlna is-servizz tal-laneċ tagħhom għall-ġurnalisti u membri tal-media u għad-delegati tal-klabbs tar-Regatta matul is-6 siegħat li damet ir-Regatta;
- Lill-Kumpanija Viset plc li, bħas-soltu offriet l-ispazju tal-mollijiet tagħha għall-eluf ta’ spettaturi u l-mod kif f’koperazzjoni perfetta wettqet it-traġitt tat-turisti minn fuq il-cruiseliner li hi tirrappreżenta min-naħa għall-oħra tal-Port il-Kbir proprju f’nofs il-korsa tar-Regatta mingħajr ma tellfet xejn mir-ritmu tat-tiġrijiet;
- Lill-Awtoritajiet tad-Dwana li kull sena jisilfuna l-bini tad-Dwana l-Antika, il-Belt għall-amministrazzjoni tar-Regatta
- Lill-Kumitat Olimpiku Malti li taħt l-awspiċi tiegħu u għall-ewwel darba ġew esgwiti t-testijiet tad-doping;
- Lis-St. John Ambulance Brigade – Sezzjoni ta’ B’Bugia;
- Lill-Awtorita Marittima Maltija ta’ l-għajnuna kbira li dejjem tagħti f’kull edizzjoni tar-Regatta;
- Lill-Membri kollha tal-Media preżenti fuq il-bejt tad-Dwana isegwu u jirrappurtaw dan l-avveniment sportiv. Kien xieraq li fil-bidu tar-Regatta ġiet osservata minuta silenzju għall-memorja ta’ Lewis Portelli, wieħed mill-aqwa ġurnalisti sportivi li kellu pajjiżna;
- U fl-aħħarnett lill-eluf ta’ spettaturi li segwew b’paċenzja kbira għall-ħinijiet twal dan l-avveniment sportiv tradizzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958