TISLIMA LIL LEWIS PORTELLI
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea li hu wkoll responsabbli mill-qasam ta’ l-isport, juri s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Lewis Portelli, personalità u veteran fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv li miet illum fl-età ta’ 76 sena.
Il-Ministru Louis Galea qal li Malta tilfet persuna mill-aqwa f’kull sens imma b’mod partikolari fil-qasam sportiv u filantropiku “Lewis Portelli huwa xempju għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin bħala persuna li tat xhieda ħajja u kostanti ta’ l-aqwa valuri umani u spiritwali. Fil-ħajja tagħha ġabet il-quddiem ix-xandir ta’ l-isport u xerrdet l-imħabba lejn l-isport u l-valuri olimpiċi, persuna li hi mudell ħaj ta’ l-impenn, id-dedikazzjoni u l-ħidma bla waqfien,” sostna Louis Galea.
Lewis Portelli kellu karriera twila fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv tant li kien stabbilixxa ix-xandir ta’ l-isport fuq it-televiżjoni Maltija. Hu beda l-ħidma tiegħu bħala għalliem iżda fi ftit żmien daħal fit-taqsima tax-xandir fl-iskejjel fi ħdan id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni.
Bejn l-1978 u l-1990 ħadem fis-settur privat u fl-1990 sar Direttur tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u fl-1992 irtira mix-xogħol għalkemm baqa’ attiv ħafna fil-qasam ta’ l-isport.
Portelli kien ixandar fuq r-redifussion u kien ukoll kummentatur mar-RAI minn Ruma għall-logħob olimpiku li kienet l-ewwel darba li saru xandiriet minn barra minn Malta fl-istorja tax-xandir Malti. Portelli kellu wkoll xogħol mal-BBC għal żmien qasir.
Fl-1989 kien irċieva l-International Olympic Committee Trophy għax-xandiriet li kien jagħmel kif ukoll għad-diversi publikazzjonijiet li pproduċa biex jippromwovi il-valuri olimpiċi, filwaqt li aktar riċentament fl-1994, kien mistieden mill-kumitat olimpiku internazzjonali biex jippreżenta paper dwar l-isport fil-pajjiżi ż-żgħar.
Portelli irċieva wkoll il-Medalja tal-Qadi tar-Repubblika u l-Premju Mons. Azzopardi għall-ħidma tiegħu favur id-Dar tal-Providenza.
Il-Ministru Galea esprima l-kondoljanzi tiegħu u tal-Gvern lil-martu u l-familja kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958