IL-GVERN SER JINVESTI MILJUNI BIEX IKABBAR L-MCAST
“Il-ħidma u l-inċentivi li l-Gvern qed iwettaq biex aktar żgħażagħ ikomplu jakkwistaw kwalifiki u kompetenzi meħtieġa fl-ekonomija tal-lum qed jagħtuna riżultati tajbin ħafna u qed iġibu magħhom l-isfida għall-ħolqien ta’ aktar spazji u riżorsi umani għat-tagħlim u t-taħriġ. Din is-sena diġà applikaw biex jibdew korsijiet fl-MCAST aktar minn 2,500 student. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tingħata tender biex jitfassal masterplan għat-tkabbir tal-MCAST li meta jitwettaq għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jinvesti f’dan il-qasam u miljuni ta’ liri mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) se jkunu allokati għall-MCAST matul is-snin li ġejjin biex jinkiseb l-aħħar apparat u makkinarju modern għat-tagħlim u t-taħriġ ta’ l-istudenti kif ukoll biex ikompli jitkabbar il-bini li llum diġà jinsab mimli bl-istudenti filwaqt li se jiżdiedu l-laboratorji u workshops biex it-taħriġ iħejji bl-aħjar mod lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.”
Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol meta dalgħodu attenda laqgħa li qed issir mill-MCAST għall-istaff professjonali ftit ġranet qabel ma’ l-MCAST jibda s-sena akkademika l-ġdida 2006-2007.
L-MCAST għalaq ħames snin ta’ attività intensa u ta’ tkabbir kontinwu mhux biss b’mod fiżiku permezz tal-bini u ta’ l-għadd ta’ studenti li jattendu l-korsijiet iżda wkoll fil-firxa u l-kwalità tal-korsijiet li qed joffri fuq erba’ livelli ewlenin. Il-laqgha hi parti mill-izvilupp professjonali kontinwu ta’ l-istaff li qed ikun implimentat mill-MCAST permezz ta’ laqgħat u seminars minn taqsima apposta fl-MCAST.
Għal din il-laqgħa ntgħażlet it-tema ta’ l-użu ta’ sustanzi perikolużi bħad-droga u l-alkoħol li qegħdin jaffettwaw b’mod negattiv il-ħajja taż-żgħażagħ u li jistgħu jfixkluhom anke fl-istudji tagħhom. Dit-tema hi ta’ interess partikolari għall-MCAST minħabba li l-Kulleġġ jilqa’ fih eluf ta’ studenti żgħażagħ li jitgħallmu, jgħixu u jiddevertu flimkien u għalhekk jista’ jkollhom kuntatt jew qed jabbużaw mid-droga jew l-alkoħol. Għal dan l-iskop tfasslet policy mid-diriġenti tal-Kulleġġ flimkien mas-Sedqa. Din l-inizjattiva hija parti mill-proċess ta’ l-edukazzjoni ħolistika ta’ kull student matul il-kors tiegħu fl-MCAST li tikkomplementa l-aspetti ta’ l-iżvilupp fiżiku u emozzjonali, l-kreattività u l-intraprenditorija.
Il-Ministru Galea qal li fi ftit ġimgħat oħra l-MCAST ser jiftaħ il-bibien tiegħu għas-sitt sena tiegħu u tajjeb wieħed iħares lura biex jara x’seħħ f’dawn l-aħħar ħames snin u ’l quddiem biex ikun hemm ideat ġodda u ċari għall-futur tal-kulleġġ. “L-MCAST għaddej minn proċess ta’ konsolidament biex jassikura l-kwalità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livell post-sekondarju u ogħla. Il-missjoni ta’ l-MCAST hi li jipprovdi edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u professjonali li jintlaħqu minn kulħadd, b’dimensjoni internazzjonali, u li jaqdu l-bżonnijiet ta’ l-individwu u ta’ l-ekonomija. Jidher ċar li l-MCAST qed jaħdem qrib u jissodisfa l-bżonnijiet ta’ l-industrija, tan-negozji u l-kummerċ u tas-servizzi, b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ aġenziji oħra bħall-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u l-Malta Enterprise.”
Louis Galea qal li l-MCAST, fi ftit snin, irnexxielu jpoġġi fuq sisien soda l-edukazzjoni vokazzjonali f’pajjiżna u jagħti status ġdid lil dan il-qasam importanti ħafna għall-pajjiż. Fil-fatt matul is-sena li għaddiet offra korsijiet lil qrib l-4,000 student full-time u 3,000 student part-time minbarra l-mijiet ta’ studenti adulti li bbenefikaw minn korsijiet organizzati apposta għalihom permezz tal-Fondi Soċjali Ewropej (ESF).
Din is-sena s’issa applikaw biex jibdew kors 2,575 student f’firxa wiesgħa ta’ korsijiet u livelli. Bħalissa għaddej proċess li permezz tiegħu jkunu jistgħu jintlaqgħu l-akbar numru possibbli ta’ studenti, filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet biex dawk il-korsijiet li jkunu għadhom ma ntlewx ikunu jistgħu jilqgħu aktar studenti.
Il-Ministru qal ukoll li hekk kif fl-edukazzjoni obbligatorja fl-iskejjel regolari l-Gvern wettaq politika ta’ edukazzjoni inklużiva, issa l-MCAST, l-Università u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla ukoll jeħtieġ isibu soluzzjonijiet biex studenti bi bżonnijiet speċjali li juru li għandhom il-kwalifiki u li huma kapaċi jsegwu l-korsijiet f’dawn il-livelli jkunu jistgħu jagħmlu dan bl-appoġġ kollu meħtieġ. Louis Galea qal li fl-istess ħin qed jittieħdu passi biex sas-sena d-dieħla ikun hemm faċilità edukattiva u ta’ taħriġ għal studenti bi bżonnijiet speċjali ta’ età post-sekondarja. Din il-faċilità tkun għal dawk l-istudenti li jkollhom bżonn aktar taħriġ biex jakkwistaw ħiliet biex titjieb il-kwalità tal-ħajja li jgħixu u jekk possibli jipparteċipaw ukoll fid-dinja tax-xogħol.
“Il-Gvern poġġa l-edukazzjoni bħala wieħed mit-tlett pilastri tal-pajjiż u mhux bil-kliem biss iżda bil-fatti. Il-Gvern diġà wera l-impenn tiegħu biex is-settur ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali jimxi l-quddiem u l-MCAST hu eżempju tajjeb ta’ kif il-qasam edukattiv qed jimxi ’l quddiem. F’dawn il-ħames snin il-Gvern investa Lm 6.6 miljun fl-MCAST u dan fisser li aktar studenti setgħu jkomplu jistudjaw meta jtemmu s-sekondarja, aktar adulti li jkomplu jitħarrġu u livelli ġodda f’dan il-qasam.” Louis Galea sostna li anke l-kwalità ta’ l-edukazzjoni fl-MCAST qed tkompli titjieb u dan jixhduh l-industrija u l-istituzzjonijiet edukattivi barranin ukoll.
Il-Ministru emfasizza l-importanza tal-mod professjonali li biħ il-membri ta’ l-istaff, l-aktar dak akkademiku, jimplimentaw il-kurrikulu tal-korsijiet kif ukoll fil-mod kif jedukaw u jittrattaw lill-istudenti. L-istaff irid ikun il-mudell għall-istudenti b’sens ta’ responsabbiltà u professjonalità. Hu faħħar l-MCAST għall-fatt li l-istrategija tiegħu qed tkun iffokata fuq l-istudent li għandu jkun fil-qalba ta’ dak kollu li jiġri fil-Kulleġġ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958