IL-KULLEĠĠI TA’ L-ISTAT IFASSLU PROGRAMMI EDUKATTIVI SKOND IL-ĦTIĠIJIET TAT-TFAL
Fis-sitt klassi primarja ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat fit-tliet Kulleġġi li kienu qed joperaw matul is-sena skolastika li għaddiet, twettaq proċess ta’ assessjar biex ikun jista` jinħadem programm edukattiv apposta għal dawk it-tfal li ser jibdew l-iskola sekondarja u għad għandhom bżonn ħidma biex jilħqu l-livelli meħtieġa fl-oqsma bażiċi tat-tagħlim. Dan il-programm kien diġa` twettaq bi prova fl-iskola sekondarja tas-subien fil-Kulleġġ San Benedittu u ħalla riżultati tajbin.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, illum attenda għal laqgħa ma’ ’l fuq minn 70 edukatur li attendew volontarjament, fosthom kapijiet ta’ skejjel sekondarji, uffiċjali edukattivi, ko-ordinaturi tas-suġġetti u għalliema ta’ ħiliet bażiċi, kemm mill-iskejjel li ġejjin mill-Kulleġġi tal-Kottonera, Għawdex u San Benedittu kif ukoll minn skejjel oħrajn li se jissieħbu fil-Kulleġġi l-ġodda li se jinħolqu dalwaqt. L-iskop ta’ din il-laqgħa kien biex, fi thejjija għas-sena skolastika li ġejja, tkompli tiġi diskussa din l-inizjattiva ġdida li ġiet żviluppata matul l-aħħar sena. Il-laqgħa ġiet indirizzata mis-Sinjura Anna Maria Gilson u mis-Sur Sandro Spiteri, uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li taw preżentazzjonijiet fuq dan l-eżerċizzju.
F’Mejju ta’ din is-sena, fil-klassijiet tas-sitt sena primarja fl-iskejjel tat-tliet Kulleġġi tal-bidu sar proċess ta’ assessjar biex jiġu identifikati t-tfal li fl-Form 1 ta’ l-iskola sekondarja ser ikollhom bżonn programm edukattiv maħsub apposta biex jiġi assigurat li qed jiksbu l-ħiliet bażiċi fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika. It-tfal, subien u bniet, konċernati ġew assessjati fuq bażi individwali minn għalliema mħarrġa apposta. Dan il-proċess ta’ assessjar eventwalment jiġi estiż għall-iskejjel kollha li ser ikunu riorganizzati f’Kulleġġi.
Minn 25 skola primarja, b’popolazzjoni ta’ 1,053 tifel u tifla fis-Sitt Sena, ġew assessjati t-tfal li ġabu marki baxxi fl-eżami annwali. B’kollox ġew assessjati 182 tifel u tifla fil-Malti, 188 fl-Ingliż u 185 fil-Matematika, inkluż tfal mill-iskejjel ta’ Wied il-Għajn u Ħaż-Żabbar. Minn dawk assessjati nstab li 47 tifel u tifla fil-Malti, 105 fl-Ingliż u 73 fil-Matemetika għandhom bżonn intervent edukattiv alternattiv biex jgħinuhom jiksbu l-livell edukattiv meħtieġ. Instab li 36 tifel u tifla li għandhom bżonn għajnuna fit-tlett suġġetti.
Dan l-eżerċizzju tmexxa minn uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u dawk tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. Il-proċess ta’ assessjar sar minn 68 complementary teachers u 14-il staff ta’ l-FESli ġew imħarrġa speċifikament għal dan l-iskop. Waqt li wieħed jagħraf li l-iskejjel dejjem taw attenzjoni speċjali għal tfal li qed jesperjenzaw xi diffikulta, dan l-eżerċizzju jgħin biex l-identifikazzjoni tad-diffikultajiet issir b’mod modern u aġġornat sabiex l-iskejjel ikunu jistgħu jfasslu programm edukattivi aktar biex jindirizzaw id-diffikultajiet. Ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju issa għadda f’idejn il-Kapjiet ta’ l-iskejjel sekondarji biex flimkien ma’ l-għalliema jinħadem programm edukattiv li dawn it-tfal għandhom bżonn biex jimxu ’l quddiem.
Fil-Kulleġġ San Benedittu dan l-eżerċizzju kien sar ftit qabel bdiet is-sena skolastika li għaddiet u matul is-sena numru ta’ tfal ingħataw programmi edukattivi alternattivi li għinuhom itejbu l-ħiliet bażiċi. Ir-riżultat f’dan il-Kulleġġ kien pożittiv u l-għalliema ħassew li kienet ħaġa tajba li l-programm edukattiv ma jkunx l-istess għal kulħadd, għax kulħadd għandhu ħiliet differenti.
Il-Ministru Galea spjega li rridu nimxu lil hinn minn sistema edukattiva li tfassal programm wieħed u kulħadd irid b’xi mod jimxi fuq din il-linja anke jekk qed jaqa` lura. “Fl-edukazzjoni ma tistax tfassal libsa u kulħadd jilbisha. Veru li jkun hemm minn iħossu komdu fiha, imma jkun hemm ukoll minn iħoss li l-libsa hija skomda għax ma tiġihx sew. Għalhekk l-għalliema qed jgħidulna li importanti li l-programmi edukattivi għandhom ikunu mfasslin b’modi differenti biex jilħqu l-kapaċitajiet diversi tat-tfal,” qal Louis Galea.
L-esperjenza tal-Kulleġġi diġa` qed turi li l-iskejjel qed ikollhom aktar spazju biex ikunu flessibbli u jiżviluppaw programmi edukattivi skond il-bżonnijiet tat-tfal. “L-edukazzjoni trid dejjem tpoġġi t-tifel u t-tifla fiċ-ċentru” saħaq Louis Galea. “Il-ħsieb hu li nimxu pass ieħor u titjieb l-identifikazzjoni aktar kmieni fil-primarja ta’ studenti li mhux qed jilħqu l-ħiliet bażiċi. B’dan il-mod l-interventi edukattivi jistgħu jibdew jinħadmu kemm ma’ l-istudent kif ukoll mal-ġenituri aktar kmieni, sabiex l-ebda tifel u tifla Maltija ma jaqgħu lura” sostna l-Ministru Galea.
Il-Ministru qal li għalkemm dejjem jifdal ħafna x’isir, huwa ċar daqs il-kristall li l-edukazzjoni f’pajjiżna miexja ’l quddiem, mhux biss mill-aspett fiżiku bil-bini u manutenzjoni ta’ l-iskejjel, imma anke bl-avvanz li qed issir fin-numri ta’ studenti li qed ikomplu l-istudji taghhom u bit-tnaqqis fin-numru ta’ l-istudenti li mhux qed ikomplu wara l-iskola obbligatorja. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni fakkar li waqt li fis-sena 2002 kellna 45% ta’ l-istudenti bejn l-20 u l-24 sena qed ikomplu jistudjaw wara li jispiċċaw mill-iskola obbligatorja, fis-sena 2005 kellna żieda ta’ 11% għal 56%. Fl-istess sena, jiġifieri fl-2005, kellna wkoll 69% ta’ dawk iż-żgħażagħ ta’ 17-il sena li komplew l-istudji tagħhom wara li temmew l-iskola obbligatorja. Naqsu b’mod sostanzjali wkoll dawk li jitilqu mis-sistema edukattiva qabel it-18-il sena. Filwaqt li fl-2002 kien hawn 52% li kienu qed jispiċċaw l-edukazzjoni qabel it-18-il sena (early school leavers) dawn naqsu għal 38% fl-2005, tnaqqis ta’ 14 il-punt perċentwal f’tliet snin.
"L-emendi għal-ligi ta’ l-edukazzjoni li għaddew mill-Parlament f’Lulju li għadda waqqfu qafas ġdid għas-sistema edukattiva f’Malta, prinċiparjament bil-ħolqien tal-Kulleġġi. L-esperjenza fil-Kulleġġi qed tgħallimna li aktar ma naħdmu flimkien, aktar ma’ min imexxi l-Kulleġġ ikun viċin, anke fiżikament, ta’ l-iskejjel, aktar ma l-għalliema jkollhom ċans jiddiskutu, jiltaqgħu, jirċievu appoġġ, aktar tiżdied il-kwalita` tat-tagħlim fil-klassi u aktar ikollna tfal li jkunu qegħdin jirċievu edukazzjoni li tgħinhom jiżviluppaw il-potenzjal li jeżisti f’kull wieħed u waħda minnhom,” temm jgħid Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958