IL-POLITIKA TAL-GVERN FIS-SETTUR TA’ L-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ISKART
L-Oppożizzjoni qed tirrikorri għal tixrid ta’ miżinformazzjoni u skorrettezzi dwar il-pjani tal-Gvern għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, u b’mod partikolari l-immodernizzar ta’ l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin.
Il-fatti huma li l-Gvern ilu mill-bidu jgħid li mhuwiex minnu li l-impjant ta’ Sant’Antnin kien maħsub biex jilqa’ fih l-iskart kollu ġġenerat f’Malta kif baqgħet tirrepeti b’mod skorrett l-Oppożizzjoni. Il-Gvern minn dejjem qal li l-pjan hu li l-impjant ikun immodernizzat b’investiment ta’ €17-il miljun u fih imur madwar 71,000 tunnellata ta’ skart, li jikkorrispondi għal madwar terz ta’ l-iskart kollu ġġenerat f’Malta.
Dan jikkonfermah numru kbir ta’ dikjarazzjonijiet u stqarrijiet pubbliċi mill-Ministru, kelliema tal-Gvern u kelliema tal-Wasteserv. Bħala eżempju, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jikkwota minn stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru fil-15 ta’ Jannar 2005. F’din l-istqarrija l-Ministeru jgħid li: ”Irid ikun imtenni li fl-impjant modernizzat mhux se jmur l-iskart kollu ġġenerat f’Malta u Għawdex, iżda 70,000 tunnellata minn madwar 240,000 tunnellata ta’ skart li jiġi ġġenerat f’pajjiżna.”
L-akbar konferma tal-konsistenza tal-Gvern kien proprju l-permess outline maħruġ mill-MEPA għall-faċilita’ ta’ Sant’Antnin f’Settembru 2005 u li jgħid ċar u tond li Sant’Antnin se jittratta biss terz ta’ l-iskart iġġenerat f’Malta u Għawdex.
Kienet l-Oppożizzjoni li għażlet li ma tismax u issa qed tfittex skuża biex tgħatti l-għemil tagħha.
Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed tikkonferma li m’għandhiex proposti konkreti. Filwaqt li titkellem fuq reġjonalita’, l-Oppożizzjoni jmissha tipprova l-ewwel tikkonvinċi lil min fl-istrutturi tagħha stess ikun minn ta’ l-ewwel li joħroġ jopponi kull faċilita’ li tkun proposta f’xi lokalita’ f’Malta u Għawdex. Dan jgħodd ukoll għall-membri Parlamentari Ewropej li, min banda jisħqu fuq il-bżonn ta’ faċilitajiet aħjar għall-ambjent Malti u fl-istess waqt għadhom ma tilfux okkażjoni waħda biex jippruvaw itellfu fondi li l-Gvern kiseb mill-Unjoni Ewropea għal titjib u bini ta’ faċilitajiet ġodda.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkollu strateġija nazzjonali li twassal biex is-settur ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart jkompli jitpoġġa fuq sisien sodi u dan għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Din l-istrateġija qed tkun finalizzata u se tkun pubblikata għal konsultazzjoni pubblika. Il-Gvern jistenna li l-Oppożizzjoni tipparteċipa f’dan il-proċess u aktar minn hekk, li tkun kostruttiva. L-Oppożizzjoni mhux qed tkun preżenti meta jkun il-waqt tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew meta jitressqu proposti konkreti.
Issa li l-Oppożizzjoni qed tirrikonoxxi l-ħidma tal-Gvern fil-qasam ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, qed tgħid ukoll li taqbel ma’ l-impjant ta’ Sant’Antnin kif propost u tirriafferma dak li kien qal il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni meta qal li: “Il-Partit Laburista jemmen li dan l-impjant jista jkun immodernizzat fl-istess ħin izda li ma jitkabbarx”?
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958