IT-TAĦRIĠ FIL-KAPAĊITÀ LI TWASSAL GĦALL-INNOVAZZJONI GĦANDHA TKUN IL-PRIJORITÀ TAS-SELF EMPLOYED U SIDIEN TA’ NEGOZJI LI JRIDU JIRNEXXU FIL-KOMPETIZZJONI TAS-SUQ
“Miftuħa għan-Negozju, filwaqt li huwa t-titlu ta’ programm ta’ ħidma, huwa wkoll sejħa għal tisħieħ ta’ mentalita’ imprenditorjali li hija meħtieġa f’pajjiżna fil-ħidma li qiegħda ssir biex kull min hu nvolut fl-attivita’ kummerċjali jkollu l-aħjar kapaċita’ li permezz tagħha ifittex kontinwament kif ikun innovattiv.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt laqgħa li fiha tħabbar programm ta’ laqgħat ta’ informazzjoni dwar kif tista’ tuża l-innovazzjoni biex tirbaħ il-kompetizzjoni tas-suq.
“Illum in-negozji għandhom sfidi ġodda f’dinja li dejjem aktar qed tiċkien. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-attivita’ kummerċjali tagħna tkun aktar innovattiva. Illum jeżistu swieq ġodda u kompetizzjoni kbira. Jekk kull min qiegħed fin-negozju mhux ser ifittex kif ikun innovattiv, f’pajjiżna nistgħu naslu li jkollna attivita’ kummerċjali staġnata. Dan jiġifieri li nispiċċaw ikollna kwantita’ ta’ sidien ta’ negozji li jbiegħu l-istess prodotti u jfittxu li fin-negozju jagħmlu bħalma jkun qed jagħmel haddieħor. Għalhekk, bħala Segretarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetitivita’ u l-Komunikazzjoni, tlabna l-għajnuna ta’ l-Edward de Bono Foundation sabiex flimkien norganizzaw skeda ta’ laqgħat bħala parti mill-inizjattiva tal-programm ta’ ħidma tas-Segretarjat li jipprovdi ‘adult training education’ għal persuni li diġa’ għandhom in-negozju tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo irringrazzja lil Edward de Bono Foundation għax-xogħol li sar u qal li “huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nniedi dan il-programm ta’ laqgħat li ser isiru minn din il-Fondazzjoni, għal self-employed u sidien ta’ negozji żgħar. Il-fatt li dawn il-laqgħat għas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar ser ikunu qegħdin jiġu mogħtija bl-istil u l-kapaċitajiet uniċi tal-Fondazzjoni, li tinkoraġixxi kontinwament fil-laqgħat tagħha, l-ħiliet kif mgħallma mill-Prof. Edward de Bono stess (bħalma huma s-Six Thinking Hats u Lateral Thinking), għandu jkun meqjus bħala valur fih innifsu għal dawk kollha li ser jaċċettaw din l-istedina u jattendu għal dawn il-laqgħat. Fil-fehma tiegħi, din hija okkażjoni li m’għandiex tintilef minn min jixtieq jitgħallem kif jista’ jirbaħ f’suq kompetittiv.”
Dawn il-laqgħat huma miftuħa kemm għal dawk li diġa’ huma self-employed jew sidien ta’ negozji żgħar, kif ukoll għal dawk li jixtiequ li jiftħu n-negozju tagħhom, kif ukoll għal studenti.
L-Edward de Bono Foundation twaqqfet fl-1993 bħala ‘non-profit organisation’ privata, bbażata f’Malta, b’għanijiet soċjali, edukattivi, kulturali u umanitarji li jippromwovu x-xogħol ta’ Edward de Bono fi creative and constructive thinking. Aktar informazzjoni dwar l-Edward de Bono Foundation, tista’ tinkiseb mingħand: Natascha Beranek jew Stephanie Ceccato fuq: natascha.beranek@mind-ing.com jew scc@mind-ing.com.
Min jixtieq japplika għal dan il programm ta’ laqgħat, li qegħdin isiru mingħajr ħlas, jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 23886165 jew bl-email fuq simone.ellul@gov.mt. Il-laqgħat jibdew nhar l-Erbgħa 27 ta’ Settembru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958