IL-FESTA TAL-VITORJA 2006
Ir-Regatta se ssir bħas-soltu;
· Jintlaħaq ftehim bejn il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Kumitat Olimpiku Malti dwar testijiet tad-doping waqt ir-Regatta;
· Programm dettaljat ta’ l-attivitajiet.
F'dawn l-aħħar snin, żdied konsiderevolment in-numru ta' cruiseliners li qed jiġu Malta u jimlew il-Port il-Kbir tagħna. Dan huwa ta' ġid għat-turiżmu ta' pajjiżna u kull Malti għandu jagħmel ħiltu kollha biex ma jtellef xejn minn dan il-progress.
Pero’ dan l-istess suċċess kien qed joħloq ċerti diffikultajiet għall-organizzazzjoni tar-Regatta Nazzjonali, li ssir fil-jiem nazzjonali tal-31 ta' Marzu u dik tat-8 ta’ Settembru. B'mod partikolari din is-sena, il-volum ta' bastimenti li se jidħlu u jkunu Malta fit-8 ta' Settembru huwa akbar mis-soltu u kien se jkun impossibbli li r-Regatta tal-Vitorja ssir fil-jum proprju tagħha.
Wara ħafna laqgħat li ilhom isiru fix-xhur li għaddew u konsultazzjonijiet bejn kull min hu konċernat, il-Kumitat Festi Nazzjonali għandu pjaċir iħabbar li ntlaħaq ftehim li r-Regatta tal-Vitorja se ssir bħas-soltu, jiġifieri fil-jum tagħha, fil-korsa tas-soltu, u bi spazju adegwat għal eluf ta' spettaturi li normalment joħonqu l-moll ta' biswit id-dwana l-antika biex isegwu dan l-isport tradizzjonali. Barra minn hekk hu ta' pjaċir li nħabbru li qed jiġu kunsidrati xi avvenimenti oħra sportivi ta' esibizzjoni għal waqt ir-Regatta. Id-dettalji jingħataw aktar 'il quddiem.
Il-KFN jixtieq jieħu din l-okkażjoni biex jiżżiħajr lil kull min għen biex intlaħaq dan il-ftehim b'mod partikulari lil: Ministru għat-Turiżmu u Kultura, lis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru, il-VISET plc, l-Awtorita’ Marittima u anki l-Għaqda Regatta Nazzjonali. Issa li ntlaħaq dan il-ftehim, il-KFN permezz tal-Kummissjoni Regatta flimkien mal-għaqdiet imsieħba fl-Għaqda Regatta Nazzjonali, jintensifikaw it-thejjijiet tagħhom għal din ir-Regatta tant mistennija.
Bi pjaċir inħabbru wkoll li għadu kemm intlaħaq ftehim bejn il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Kumitat Olimpiku Malti biex it-testijiet tad-doping li jsiru s-soltu waqt it-tiġrijiet tar-Regatta, minn din ir-Regatta stess, se jibdew isiru konġuntement bejn il-KFN u l-KOM u taħt il-ħarsien u l-gwida ta’ l-uffiċjali ta’ l-istess KOM.
Il-programm sħiħ ta’ l-attivitajiet tal-festa nazzjonali tat-8 ta’ Settembru ta’ din is-sena qed jigi ppubblikat ma’ din l-istqarrija.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958