Left arrow Mur Lura

KORSIJIET TA’ L-ADULTI 2006-7 – PROGRESS ĊAR FL-EDUKAZZJONI

PR1195
Date Icon 31/08/2006

“Meta wieħed janalizza kif miexja l-edukazzjoni f’pajjiżna joħroġ ċar li l-progress huwa kostanti u miexi b’ritmu tajjeb.  F’Malta aktar ma’ jgħaddi ż-żmien qed ikollna aktar żgħażagħ li jkomplu bl-istudji tagħhom wara l-eta ta’ 16-il sena. Infatti Malta kellha tnaqqis qawwi ta’ early school leaversmeta mqabbla mal-pajjiżi Ewropej (Eurostat). Infatti l-ammont ta’ studenti bejn l-20 u l-24 sena li qed ikomplu jistudjaw wara li jispiċċaw l-iskola żdied bi 11%, minn 45% fl-2002 għal 56% fl-2005.  Għandna wkoll 69%, kważi 7 minn kull 10, ta’ żgħażagħ ta’ l-età ta’ 17-il sena li llum qegħdin ikomplu fl-istudju u t-taħriġ tagħhom wara li jkunu temmu l-edukazzjoni obligatorja. Dan bilfors ser ikompli jġib miegħu żieda fin-numru ta’ studenti li jkomplu l-istudju tagħhom mhux biss sa tmintax il-sena imma anke aktar fil-livell ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla.  

Minn statistika maħruġa mill-Eurostat fl-2005 jirriżulta li 53% tal-Maltin u l-Għawdxin bejn il-25 u l-64 sena jipparteċipaw f’korsijiet u programmi edukattivi ta’ adulti. Dan hu aktar mill-medja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Europea li tilħaq l-42%. Ir-rata ta’ adulti involuti f’korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja f’Malta żdiet minn 4.5% fl-2000 għall-5.8% fl-2005 (Eurostat). F’Malta r-rata ta’ nisa li jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet hija aktar għolja minn dik ta’ l-irġiel.  Fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra Ewropej it-trend hija l-kontra.   Il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-adulti f’Malta li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni imma li qegħdin jipparteċipaw f’korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja ukoll żdied min 2.5% fl-2000 għall-3.7% fl-2005 (Eurostat).  Il-Labour Force Surveys juru wkoll li l-livell ta’ edukazzjoni tal-ħaddiema f’Malta tjiebet bejn l-2000 u l-2005.” Dan ħabbru l-Ministru Louis Galea meta dalgħodu nieda l-Prospett tal-Korsijiet għall-Adulti 2006-2007.   

Għal darb’ oħra l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed joffri opportunità lill-adulti Maltin u Għawdxin biex jagħżlu korsijiet ta’ studju u taħriġ f’livelli adatti għalihom f’numru kbir ta’ suġġetti u oqsma. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni permezz tad-Dipartiment għall-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti qegħda toffri aktar minn 250 kors imqassma f’madwar 1300 klassi u qegħda tistenna parteċipazzjoni ta’ aktar minn 8000 adult.  

Il-Korsijiet huma organizzati mid-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  Il-Prospett jista` jinkiseb mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, mill-Kunsilli Lokali u minn fuq is-sit ta’ l-Internet www.eveningclasses.gov.mt  Id-Diviżjoni tilqa’ l-applikazzjonijiet mil-lum sal-Ġimgħa 22 ta’ Settembru 2005. 

Il-Ministru Galea qal li flimkien ma’ diversi istituzzjonijiet oħra bħal-MCAST, l-Università u l-ETC, kif ukoll istituzzjonijiet edukattivi oħrajn pubbliċi u privati, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni toffri opportunitajiet ta’ edukazzjoni tul il-ħajja permezz ta’ korsijiet b’firxa wiesgħa ta’ suġġetti, minn tagħlim formali li jwassal għal ċertifikazzjoni bħall-‘O’ u ‘A’ Levels fis-SEC u Matrikola, ECDL u City and Guilds,  għal korsijiet mhux formali fejn l-aspett ta’ żvilupp personali u soċjali jingħata aktar importanza.  Ta’ min isemmi fost l-oħrajn korsijiet li jindirizzaw ħtiġijiet partikolari fost l-adulti, bħal dawk tas-sign language, lip reading, empowerment u entrepneneurship.

Louis Galea qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jitkattar l-għarfien minn kulħadd dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u dan qed iwassal biex diversi istituzzjonijiet edukattivi, kemm ta’ l-istat kif ukoll privati, qed jiżviluppaw aktar programmi edukattivi imfasslin għall-adulti. Din ir-rata ta’ partecipazzjoni tikkumplimenta r-rata dejjem ogħla ta’ parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ fis-settur vokazzjoniali u terzjarju.   

Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni permezz tad-Dipartiment għall-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti qegħda toffri aktar minn 250 kors imqassma f’madwar 1300 klassi u qegħda tistenna parteċipazzjoni ta’ aktar minn 8000 adult.  Louis Galea faħħar lil dawk l-adulti kollha li qed jippartecipaw fil-proġetti u korsijiet fiċ-ċentri ta’ tagħlim tul il-ħajja. Għall-korsijiet li torganizza l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) fis-sena skolastika 2005-2006 attendew 2633 persuna. Il-korsijiet li għalihom attendew dawn il-ġenituri kienu Parents-in-Education, Ħilti, Nwar u l-Malta Writing Programme. 

Kull min hu interessat għandu jikseb kopja tal-Prospett jew jaċċessah fuq l-internet biex ikun jista’ jara x’korsijiet hemm.  Il-Prospett jagħti informazzjoni dwar fejn isiru l-korsijiet u l-ħinijiet.  Hemm ukoll informazzjoni dwar ħlas nominali li jrid isir għal kull kors li m’għandu jkun ta’ xkiel għal ħadd.  Il-korsijiet ta’ edukazzjoni bażika u ta’ litteriżmu huma b’xejn.  Anzjani li għandhom il-kartanzjan ukoll jieħdu l-ewwel kors tagħhom b’xejn u każijiet soċjali jitqiesu skond il-każ kif l-istess huma b’xejn korsijiet tal-Mużika għal tfal ta’ taħt is-sittax-il sena. 

Louis Galea qal li minn din is-sena li-Gvern se jibda jwettaq il-pjan tiegħu biex l-iskejjel isiru dejjem aktar Ċentri ta’ Tagħlim fil-Komunità.  Fil-fatt minn din is-sena iċ-ċentri tal-klassijiet ta’ l-adulti qed jinfirxu ma’ bnadi oħra ta’ Malta. Il-Gvern se jkun qed joffri l-korsijiet ta’ l-adulti fit-tlett kulleġġi li issa ilhom joperaw bi prova għal madwar sena.  Fil-Kulleġġ ta’ Għawdex dan diġà kien qed isir għal diversi snin u issa din l-esperjenza se tiġi estiża għaż-żewġ kulleġġi l-oħra jiġifieri dak ta’ San Benedittu u dak tal-Kottonera li minn din is-sena ser joffru klassijiet ta’ l-adulti għal servizz aħjar lill-pubbliku. Il-Ministru qal ukoll li fis-sena li deħlin fiha ser jibda l-proċess biex l-iskejjel ta’ l-Arti, tal-Mużika, u tad-Drama u Żfin jingħaqdu f’Kulleġġ bl-iskop li s-servizz ta’ tagħlim speċjalizzat f’dawn l-oqsma ikompli jittejjeb. 

Il-Ministru qal li s-Sezzjoni ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Adulti qed taħdem biex ittejjeb is-servizz ta’ tagħlim bażiku fil-litteriżmu u n-numeriżmu. Dan qed tagħmlu b’diversi modi, billi torganizza hi stess korsijiet u programmi ta’ l-litteriżmu, billi torganizza korsijiet għall-għalliema ta’ l-adulti u billi tfittex il-kollaborazzjoni u toħloq proġetti bi sħab ma’ diversi entitajiet sew pubbliċi kif ukoll privati jew mhux tal-gvern.  Is-sena li għaddiet kienu organizzati korsijiet ta’ Ingliż bażiku bi sħab ma’ 22 Kunsilli Lokali kif ukoll ma’ żewġ NGOs,  entità pubblika u żewġ kumpaniji kbar.  Dawn l-iskemi gawdew minnhom madwar 400 persuna li ngħataw ċertifikat li juri l-kompetenzi miksuba skond il-livell li laħaq il-parteċipant.  Dan sar sew biex wieħed ikun jaf f’hiex wasal fl-edukazzjoni tiegħu kif ukoll biex min jimpjega jkun jaf xi jsarraf dan iċ-ċertifikat.   

Il-Ministru qal li permezz tal-Fondi Soċjali ta’ l-UE ġew imħarrġa 40 għalliem ta’ l-adulti u twaqqfu 21  klassi ta’ Malti bażiku bil-kollaborazzjoni ta’ każini tal-banda, kappillani u Kunsilli Lokali u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 200 adult.  Dan il-proġett tant kien suċċess li ser jiġi estiż ukoll għal din is-sena.  Id-Dipartiment permezz ta’ dan il-proġett ikkummissjona manwal ta’ taħriġ fil-Malti bażiku għall-adulti u għall-għalliema tagħhom. Dan il-manwal, li jinkludi wkoll riżorsi edukattivi, se jintuża għall-ewwel darba matul dis-sena skolastika. 

Louis Galea qal li l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti (Adult Basic Skills Working Group) li kien waqqaf biex jevalwa s-servizz li jingħata f’dan is-settur issa temm il-ħidma tiegħu u ppreżenta numru ta’ proposti għal Strategija u Pjan ta’Azzjoni Nazzjonali.  

Il-Ministru fakkar li biex Malta tilħaq il-miri ta’ Lisbona u l-ekonomija tagħna tkun waħda b’saħħitha msejjsa fuq it-tagħlim u l-għerf, l-edukazzjoni tul il-ħajja trid issir parti mill-ħajja ta’ kull individwu hi x’hini l-età tiegħu. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow