KORSIJIET TA’ L-ADULTI 2006-7 – PROGRESS ĊAR FL-EDUKAZZJONI
“Meta wieħed janalizza kif miexja l-edukazzjoni f’pajjiżna joħroġ ċar li l-progress huwa kostanti u miexi b’ritmu tajjeb. F’Malta aktar ma’ jgħaddi ż-żmien qed ikollna aktar żgħażagħ li jkomplu bl-istudji tagħhom wara l-eta ta’ 16-il sena. Infatti Malta kellha tnaqqis qawwi ta’ early school leaversmeta mqabbla mal-pajjiżi Ewropej (Eurostat). Infatti l-ammont ta’ studenti bejn l-20 u l-24 sena li qed ikomplu jistudjaw wara li jispiċċaw l-iskola żdied bi 11%, minn 45% fl-2002 għal 56% fl-2005. Għandna wkoll 69%, kważi 7 minn kull 10, ta’ żgħażagħ ta’ l-età ta’ 17-il sena li llum qegħdin ikomplu fl-istudju u t-taħriġ tagħhom wara li jkunu temmu l-edukazzjoni obligatorja. Dan bilfors ser ikompli jġib miegħu żieda fin-numru ta’ studenti li jkomplu l-istudju tagħhom mhux biss sa tmintax il-sena imma anke aktar fil-livell ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla.
Minn statistika maħruġa mill-Eurostat fl-2005 jirriżulta li 53% tal-Maltin u l-Għawdxin bejn il-25 u l-64 sena jipparteċipaw f’korsijiet u programmi edukattivi ta’ adulti. Dan hu aktar mill-medja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Europea li tilħaq l-42%. Ir-rata ta’ adulti involuti f’korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja f’Malta żdiet minn 4.5% fl-2000 għall-5.8% fl-2005 (Eurostat). F’Malta r-rata ta’ nisa li jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet hija aktar għolja minn dik ta’ l-irġiel. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra Ewropej it-trend hija l-kontra. Il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-adulti f’Malta li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni imma li qegħdin jipparteċipaw f’korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja ukoll żdied min 2.5% fl-2000 għall-3.7% fl-2005 (Eurostat). Il-Labour Force Surveys juru wkoll li l-livell ta’ edukazzjoni tal-ħaddiema f’Malta tjiebet bejn l-2000 u l-2005.” Dan ħabbru l-Ministru Louis Galea meta dalgħodu nieda l-Prospett tal-Korsijiet għall-Adulti 2006-2007.
Għal darb’ oħra l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed joffri opportunità lill-adulti Maltin u Għawdxin biex jagħżlu korsijiet ta’ studju u taħriġ f’livelli adatti għalihom f’numru kbir ta’ suġġetti u oqsma. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni permezz tad-Dipartiment għall-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti qegħda toffri aktar minn 250 kors imqassma f’madwar 1300 klassi u qegħda tistenna parteċipazzjoni ta’ aktar minn 8000 adult.
Il-Korsijiet huma organizzati mid-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Il-Prospett jista` jinkiseb mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, mill-Kunsilli Lokali u minn fuq is-sit ta’ l-Internet www.eveningclasses.gov.mt Id-Diviżjoni tilqa’ l-applikazzjonijiet mil-lum sal-Ġimgħa 22 ta’ Settembru 2005.
Il-Ministru Galea qal li flimkien ma’ diversi istituzzjonijiet oħra bħal-MCAST, l-Università u l-ETC, kif ukoll istituzzjonijiet edukattivi oħrajn pubbliċi u privati, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni toffri opportunitajiet ta’ edukazzjoni tul il-ħajja permezz ta’ korsijiet b’firxa wiesgħa ta’ suġġetti, minn tagħlim formali li jwassal għal ċertifikazzjoni bħall-‘O’ u ‘A’ Levels fis-SEC u Matrikola, ECDL u City and Guilds, għal korsijiet mhux formali fejn l-aspett ta’ żvilupp personali u soċjali jingħata aktar importanza. Ta’ min isemmi fost l-oħrajn korsijiet li jindirizzaw ħtiġijiet partikolari fost l-adulti, bħal dawk tas-sign language, lip reading, empowerment u entrepneneurship.
Louis Galea qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jitkattar l-għarfien minn kulħadd dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u dan qed iwassal biex diversi istituzzjonijiet edukattivi, kemm ta’ l-istat kif ukoll privati, qed jiżviluppaw aktar programmi edukattivi imfasslin għall-adulti. Din ir-rata ta’ partecipazzjoni tikkumplimenta r-rata dejjem ogħla ta’ parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ fis-settur vokazzjoniali u terzjarju.
Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni permezz tad-Dipartiment għall-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta’ l-Adulti qegħda toffri aktar minn 250 kors imqassma f’madwar 1300 klassi u qegħda tistenna parteċipazzjoni ta’ aktar minn 8000 adult. Louis Galea faħħar lil dawk l-adulti kollha li qed jippartecipaw fil-proġetti u korsijiet fiċ-ċentri ta’ tagħlim tul il-ħajja. Għall-korsijiet li torganizza l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) fis-sena skolastika 2005-2006 attendew 2633 persuna. Il-korsijiet li għalihom attendew dawn il-ġenituri kienu Parents-in-Education, Ħilti, Nwar u l-Malta Writing Programme.
Kull min hu interessat għandu jikseb kopja tal-Prospett jew jaċċessah fuq l-internet biex ikun jista’ jara x’korsijiet hemm. Il-Prospett jagħti informazzjoni dwar fejn isiru l-korsijiet u l-ħinijiet. Hemm ukoll informazzjoni dwar ħlas nominali li jrid isir għal kull kors li m’għandu jkun ta’ xkiel għal ħadd. Il-korsijiet ta’ edukazzjoni bażika u ta’ litteriżmu huma b’xejn. Anzjani li għandhom il-kartanzjan ukoll jieħdu l-ewwel kors tagħhom b’xejn u każijiet soċjali jitqiesu skond il-każ kif l-istess huma b’xejn korsijiet tal-Mużika għal tfal ta’ taħt is-sittax-il sena.
Louis Galea qal li minn din is-sena li-Gvern se jibda jwettaq il-pjan tiegħu biex l-iskejjel isiru dejjem aktar Ċentri ta’ Tagħlim fil-Komunità. Fil-fatt minn din is-sena iċ-ċentri tal-klassijiet ta’ l-adulti qed jinfirxu ma’ bnadi oħra ta’ Malta. Il-Gvern se jkun qed joffri l-korsijiet ta’ l-adulti fit-tlett kulleġġi li issa ilhom joperaw bi prova għal madwar sena. Fil-Kulleġġ ta’ Għawdex dan diġà kien qed isir għal diversi snin u issa din l-esperjenza se tiġi estiża għaż-żewġ kulleġġi l-oħra jiġifieri dak ta’ San Benedittu u dak tal-Kottonera li minn din is-sena ser joffru klassijiet ta’ l-adulti għal servizz aħjar lill-pubbliku. Il-Ministru qal ukoll li fis-sena li deħlin fiha ser jibda l-proċess biex l-iskejjel ta’ l-Arti, tal-Mużika, u tad-Drama u Żfin jingħaqdu f’Kulleġġ bl-iskop li s-servizz ta’ tagħlim speċjalizzat f’dawn l-oqsma ikompli jittejjeb.
Il-Ministru qal li s-Sezzjoni ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Adulti qed taħdem biex ittejjeb is-servizz ta’ tagħlim bażiku fil-litteriżmu u n-numeriżmu. Dan qed tagħmlu b’diversi modi, billi torganizza hi stess korsijiet u programmi ta’ l-litteriżmu, billi torganizza korsijiet għall-għalliema ta’ l-adulti u billi tfittex il-kollaborazzjoni u toħloq proġetti bi sħab ma’ diversi entitajiet sew pubbliċi kif ukoll privati jew mhux tal-gvern. Is-sena li għaddiet kienu organizzati korsijiet ta’ Ingliż bażiku bi sħab ma’ 22 Kunsilli Lokali kif ukoll ma’ żewġ NGOs, entità pubblika u żewġ kumpaniji kbar. Dawn l-iskemi gawdew minnhom madwar 400 persuna li ngħataw ċertifikat li juri l-kompetenzi miksuba skond il-livell li laħaq il-parteċipant. Dan sar sew biex wieħed ikun jaf f’hiex wasal fl-edukazzjoni tiegħu kif ukoll biex min jimpjega jkun jaf xi jsarraf dan iċ-ċertifikat.
Il-Ministru qal li permezz tal-Fondi Soċjali ta’ l-UE ġew imħarrġa 40 għalliem ta’ l-adulti u twaqqfu 21 klassi ta’ Malti bażiku bil-kollaborazzjoni ta’ każini tal-banda, kappillani u Kunsilli Lokali u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 200 adult. Dan il-proġett tant kien suċċess li ser jiġi estiż ukoll għal din is-sena. Id-Dipartiment permezz ta’ dan il-proġett ikkummissjona manwal ta’ taħriġ fil-Malti bażiku għall-adulti u għall-għalliema tagħhom. Dan il-manwal, li jinkludi wkoll riżorsi edukattivi, se jintuża għall-ewwel darba matul dis-sena skolastika.
Louis Galea qal li l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti (Adult Basic Skills Working Group) li kien waqqaf biex jevalwa s-servizz li jingħata f’dan is-settur issa temm il-ħidma tiegħu u ppreżenta numru ta’ proposti għal Strategija u Pjan ta’Azzjoni Nazzjonali.
Il-Ministru fakkar li biex Malta tilħaq il-miri ta’ Lisbona u l-ekonomija tagħna tkun waħda b’saħħitha msejjsa fuq it-tagħlim u l-għerf, l-edukazzjoni tul il-ħajja trid issir parti mill-ħajja ta’ kull individwu hi x’hini l-età tiegħu.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958