TRASFERIMENT TA’ SWALI FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ
Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jixtieq jinforma lill-anzjani u l-familjari tagħhom f’San Vinċenz dwar ir-raġuni wara ċ-ċaqlieq li qed isir b’mod temporanju f’numru żgħir ta’ swali u f’numru zgħir ta’ kmamar fl-istess residenza.
Fil-jiem li ġejjin se jinfetħu tliet swali ġodda fi blokka ġdida bl-isem Mother Teresa, li saret b’investiment ta’ aktar minn Lm3 miljuni. In-nisa li se jiġu trasferiti diġà huma residenti f’San Vinċenz u li qegħdin fi tliet swali oħra li għandhom bżonn ta’ refurbishment estensiv biex ikunu fuq l-istess livell tas-swali l-ġodda. Dan huwa parti mill-proċess kontinwu ta’ modernizzar tas-swali kollha ta’ din ir-residenza u li dan isir b’investiment qawwi li minnu jgawdu l-istess anzjani.
Billi n-numru ta’ sodod fis-swali l-ġodda huwa iżgħar min-numru ta’ sodod fil-blokka l-qadima, dan kien ifisser li kellu jinstab post alternattiv, b’mod temporanju, għal numru ta’ persuni sabiex il-blokka sħiħa tkun tista’ tiġi żvujtata biex isir xogħol strutturali b’mod estenziv fuq dawn it-tliet swali.
Wara li ġie kkunsidrat kollox u wara li ngħatat l-akbar attenzjoni għas-saħħa u sigurtà kemm ta’ l-anzjani, tal-familjari li jżuruhom, kif ukoll tal-ħaddiema, inħass il-bżonn li l-blokka tiġi żvujtata kompletament waqt li se jkun għaddej ix-xogħol.
Dan kien jirrikjedi li tinstab akkomodazzjoni alternattiva u temporanja għal madwar 30 persuna mingħajr ma jitnaqqas in-numru ta’ sodod f’din l-istess residenza u għalhekk numru żgħir ta’ kmamar issa se jkunu okkupati minn ħames persuni flok erbgħa.
Dwar din iċ-ċaqlieqa ntlaħaq ukoll ftehim mal-Unions u ġie miftiehem li se jiżdiedu n-numru ta’ ħaddiema fis-swali nvoluti biex il-livell ta’ kura jibqa’ dak li hu mistenni u meħtieġ mill-anzjani.
Wieħed jifhem li dan jista’ jwassal għal xi nkonvenjent temporanju fost l-anzjani li ntlaqtu minn dan iċ-ċaqlieq u ta’ dan id-Dipartiment ghall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jixtieq jiskuza ruħhu. Iżda m’hemmx dubju li l-anzjani jifhmu wkoll li din ma kienitx miżura li ttieħdet b’kapriċċ jew biex jitnaqqas il-livell ta’ din ir-residenza, iżda biex proprju l-anzjani KOLLHA fir-residenza San Vinċenz ikollhom ambjent xieraq u ma jkunux f’periklu waqt li jsir l-immodernizzar ta’ l-istess residenza.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958