IKTAR XOGĦOLIJIET FUQ ŻONI INDUSTRIJALI SABIEX PAJJIŻNA JKUN MIFTUĦ AKTAR GĦAN-NEGOZJU
Waqt żjara fiż-żona industrijali ta’ Ħ’Attard, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor.Alfred Sant ipprova jagħti l-impressjoni li fiż-żoni industrijali f’pajjiżna għadu ma sar xejn, waqt li fil-fatt il-Gvern diġa nefaq mat-tlett miljun Lira f’proġetti biex jibni t-toroq u jtejjeb l-infrastruttura f’numru ta’ żoni industrijali.
Fil-Pjan ta’ Ħidma ppubblikat mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employedil-Gvern qed juri li l-objettiv tiegħu huwa li jara li ż-żoni industrijali kollha jkunu żoni industrijali ta’ standard għoli. Il-Gvern irid li ż-żoni industrijali fejn hemm negozji zgħar jkunu ‘5-star industrial zones’. Kull żona industrijali hija Smart City u l-Gvern impenjat li jagħtihom l-attenzjoni kollha mistħoqqa, kif diġa sar fiż-żoni industrijali tal-Ħandaq, l-Imrieħel, Ħaż-Żebbug u fil-Mosta.
Issa huwa l-objettiv tal-Gvern li x-xogħol ikompli f’żoni industrijali oħra. Sa qabel l-aħħar ta’ din is-sena ser jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ toroq fiż-żona industrijali ta’ Ħal-Luqa, f’Ħal-Farruġ, filwaqt irid ikun konkluż ix-xogħol f’ta Dbiegi. Is-sena li ġejja ser jibda x-xogħol f’żona industrijali f’Ħ’Attard, filwaqt li jridu jkomplu jsiru toroq ġodda fil-Ħandaq u fl-Imrieħel, fejn issa beda jinbena bini gdid industrijali. Dan għaliex il-ħidma li twettqet s’issa f’dawn iż-żoni industrijali wasslet biex ikompli jsir bini ġdid industrijali f’dawn l-istess żoni. Dan ifisser li, permezz tal-ħidma tal-Gvern f’dawn iż-żoni, reġa kien hemm investiment u żdied in-negozju.
S’issa f’dawn iż-żoni industrijali saru b’kollox:
§ 58 triq bit-tarmak li jinkludu servizz ġdid ta’ drenaġġ u ilma, u sistema ta’ culverts;
§ Twaħħlu mal-150 bozza ġdida;
§ Ser jiġu ppubblikati direttorji li jitqassmu fil-lokalitajiet qrib iż-żoni industrijali;
§ Artiġjani u imprendituri mill-istess żoni qed jingħataw preferenza biex jieħdu sehem fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea;
§ Qed issir ħidma ta’ indafa u manutenzjoni regolari;
§ Qed issir konsultazzjoni regolari ma’ l-istess sidien ta’ negozji fiż-żoni industrijali biex ikunu magħrufa aktar il-ħtiġijiet ta’ l-istess żoni;
§ Qed jitkomplew web-sites maħsuba biex jirriklamaw l-artiġjani u l-imprendituri f’dawn iż-żoni industrijali;
§ Huwa maħsub ukoll li jinbnew seba’ żoni industrijali ġodda li bhalissa hemm l-applikazzjonijiet tagħhom quddiem il-MEPA;
§ Għandu jinħareġ it-tender għall-proġett ta’ Ta’ Qali.
Din il-ħidma kollha hija inkluża fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Gvern għas-sena ta’ ħidma 2006 – 2007 “Miftuħa għan-negozju”.
Minkejja x-xogħol li qiegħed isir ġewwa ż-żoni industrijali Dr. Sant qed jipprova jkun negattiv. Dr. Sant jaf li l-ħidma li diġa saret hija garanzija li l-ħidma imwegħda hija garantita, għalhiex f’dan il-każ il-passat huwa tassew garanzija tal-futur.
Dan il-Gvern tant jemmen li żoni industrijali b’infrastruttura tajba jkattru n-negozju li diġa beda jwettaq il-proġett tal-bini ta’ toroq f’żoni industrijali, u dan s’issa wassal biex qegħdin igawdu mat-3000 ħaddiem, il-konsumaturi li jinqdew minn dawn iż-żoni industrijali u l-istess sidien tan-negozji li jinsabu f’dawn iż-żoni.
F’pajjiżna, is-self employed, il-ħaddiema u l-konsumaturi jeħtieġu l-viżjoni posittiva tal-Gvern li tħares b’fiduċja fil-ġejjieni u b’entużjasmu fil-preżent. Is-suċċess tal-ħidma tal-Gvern favur is-self employed mhux jintefa bin-negattiviżmu ta’ Dr. Alfred Sant.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958