Left arrow Go Back

TISBIĦ TA’ PROMENADE F’GĦAR ID-DUD

PR1185
Date Icon 25/08/2006

Ħidma ntensiva f’tisbiħ u bini mill-ġdid ta’ Promenades madwar ix-xtut ta’ pajjiżna.

L-impenn tal-Gvern favur it-titjib u t-tisbiħ ta’ l-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna jkopri mhux biss l-aspett urban iżda jinkludi wkoll zoni fejn il-pubbliku  u t-turist li jżurna jkun jista’ jgawdi l-pjanuri viċin ix-xtut tagħna.  Ix- xogħol li sar fl-aħħar snin f’postijiet simili u f’bini u tisbiħ ta’ promenades, juri li l-Gvern bis-serjeta għandu viżjoni sabiex pajjiżna jkun isbaħ u aħjar.  Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’Għar id-Dud fejn bħalissa qed isir xogħol fuq il-promenade minn Għar id-dud sa Qui Si Sana. 

Dawn ix-xogħlijiet setgħu jinbdew wara li fix-xhur li għaddew twaqqgħu strutturi li kienu fi stat ta’ periklu.  Dawn kienu jikkonsistu fi twaqqigħ ta’ l-ex Chalet u tal-Jumbo Lido.  Wara li tneħħa kull periklu u l-area tal-Jumbo Lido ġiet ikkonvertita f’zona li tista’ titgawda mill-pubbliku, kien jonqos li jsir mill-ġdid il-promenade li jgħaqqad mal-Front ta’ Tas-Sliema. 

Il-Ministru Ninu Zammit spjega li ix-xogħlijiet fuq dan il-promenade jikkonsistu fit-tiswija tal-ħajt li jifred il-promenade minn max-xatt, li l-biċċa l-kbira minnha se tiġi mibnija mill-ġdid minħabba li għandha ħsarat konsiderevoli.  Wara li jinbena l-ħajt ser isir sottobank bil-bollards tal-konkos biex fuqu jkun jista’ jeħel railing tal-ħadid galvanizzat.   Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-post inħasset il-ħtieġa li dan ix-xogħol isir fis-sajf biex jiġi evitat kull periklu li jista’ jinħoloq jekk il-baħar tal-viċin ikun qawwi.  Il-Ministru kompla billi qal li għalkemm dan ix-xogħol qed isir fis-sajf it-Taqsima tax-Xogħolijiet ħadet il-prekawzjonijiet kollha sabiex iz-zona pedonali tkun salvagwardjata.   

Wara li jsir ix-xogħol fuq dan il-ħajt u s-sottobank, jiġu mgħoddija s-servizzi kollha inkluż sistema ta’ culverts taħt il-pavimentar eżistenti.  Sussegwentament la darba x-xogħol kollu jkun lest jibda l-pavimentar li se jkollu l-istess pattern tal-Front, sabiex b’hekk, la darba jkun komplut il-promenade kollu jkun konformi ma’ dak li diġa’ lest.  Il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol kollu qed isir mill-Ħaddiema tal-Gvern u miegħu ser jiġu mmanufatturati madwar 46 bank ġdid, kontenituri ta’ l-iskart flimkien ma’ nstallazjoni ta’ madwar 24 arblu ta’ dawl dekorattiv.  L-area kollha tal-pavimentar tkopri madwar 4,200 metru kwadru li ma jinkludux 291 metru tul ta’ kurduna li ser titpoġġa n-naħa tat-triq.  Il-valur tax-xogħol hu stmat li jkun madwar Lm200,000 (inkluz il-pagi tal-ħaddiema) u ppjanat li jkun lest għall-Marzu 2007. 

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li xogħlijiet oħra f’zoni simili qed isiru fil-Belveder ta’ Wied Babu fejn hawnhekk qed jinbena belveder ġdid li jikkumplimenta mal-wied naturali u l-ambjent rurali taz-zona.  Fix-Xemxija wkoll sar xogħol estensiv ta’ promenade twil u fix-xhur li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ promenade f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk. Il-Ministru Ninu Zammit tenna jgħid li ir-riformi, l-użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment f’makkinarju u għodda aħjar għall-ħaddiema li saru fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura illum qed iħallu l-frott u l-pubbliku jista’ jara b’għajnejh u jmiss b’idejh ix-xogħlijiet imwettqa mill-ħaddiema ta’ dan il-Ministeru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow