IL-PROĠETT TAL-‘PERCHED BEACH’ F’BUĠIBBA
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jirreferi għall-kummenti li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant meta żar il-proġett tal-‘perched beach’ li qed jinbena f’Buġibba.
Dr Alfred Sant kien rapurtat li qal li l-proġett kellu jitlesta f’Mejju li għadda. Dan assolutament mhux veru. Fil-fatt, il-Ministru Zammit Dimech żar ix-xogħol li kien inbeda ftit ġimgħat qabel fis-16 ta’ Ġunju, 2006.
Il-proġett ma tlestiex s’issa għaliex waqt li kien għaddej ix-xogħol instab li kien hemm drenaġġ ħiereġ mill-boathouses li hemm faċċata tal-perched beach għall-baħar u għalhekk ittieħdet id-deċiżżjoni li biex dawn ma jibqgħux jniġġsu l-baħar jitqabbdu ma’ sistema tad-drenaġġ li se tintuża għall-Public Convience li qed tinbena bħala parti mill-proġett. Illum ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ wasal biex jitlesta u sadattant is-sentina li qed tilqa’ d-drenaġġ qed titbattal kuljum.
Il-proġett ta’ Buġibba hu ieħor minn sensiela ta’ proġetti li dan il-Gvern qed iwettaq biex jgħolli l-livell tal-prodott turistiku Malti u biex nibqgħu kompetittivi.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jinnota, li l-proġett li jsemmi li wettaq Dr. Alfred Sant f’sentejn ta’ Gvern immexxi minnu, hu biss dak tat-tisbiħ ta’ Buġibba. Ma jistax ikun mod ieħor għaliex dan kien l-uniku proġett li sar fi żmien dik l-amministrazzjoni. Min-naħa ta’ din l-amministrazzjoni twettqu diversi proġetti ta’ tisbiħ ma’ Malta kollha fosthom tul il-promenades ta’ tas-Sliema u San Ġiljan, il-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan, il-bajjiet ta’ Marsaskala, San Tumas, Birżebbuġa u Marsaxlokk, ix-Xgħajra, ix-xatt tal-Gżira u Paceville. Twettqu wkoll diversi proġetti ta’ tisbiħ fil-bliet u l-irħula kif ukoll proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni.
Is-settur turistiku, li hu wieħed mill-aktar pilastri importanti għall-ekonomija nazzjonali, ma jimxix ’il quddiem permezz ta’ kritika politika u partiġġjana, iżda billi kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958