DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ EMENDI GĦALL-KODIĊI KRIMINALI
L-ewwel grupp ta’ emendi għall-Kodiċi Kriminali daħlu fis-seħħ fl-21 ta’ Awissu 2006. Dawn jinkludu t-tneħħija tal-priġunerija bil-fors għax-“sharing” ta’ droga f’ammonti żgħar, minn persuni li m’humiex traffikanti iżda vittmi ta’ droga.
Fl-istess waqt daħal fis-seħħ l-aggravju fil-piena għal min jikkommetti reati kontra l-persuna jew il-proprjeta’ bi skop ta’ mibegħda razzjali jew fuq bażi reliġjuża.
Dana japplika, kemm jekk il-vittma tkun membru ta’ razza jew reliġjon partikolari, jew meta l-iskop jew l-intenzjoni wara r-reat ikun bażat fuq ostilità lejn dik ir-razza jew reliġjon.
Tneħħiet ukoll il-priġunerija bħala piena f’każ ta’ libell sempliċi taħt il-Liġi ta’ l-Istampa.
It-tieni grupp ta’ emendi għall-Kodiċi Kriminali se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2006.
1) Emenda importanti hi li l-preskrizzjoni għar-reat ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment lid-dipendenti (konjugi u tfal) qed tiżdied minn 3 għal 6 xhur.
2) Dawn l-emendi ġodda, ukoll, se jħaffu il-proċess ta’ kumpilazzjoni fil-kawżi kriminali. Fil-fatt, minkejja li l-prattika tar-Rinviji tal-proċess lill-Avukat Ġenerali se tibqa’, il-kawża quddiem il-Maġistrat ma tibqax, matul ir-rinviji, bla data – kif inhi l-pożizzjoni llum – iżda l-kawża tiġi differita għal data preċiża. B’dan il-mod ser jiġu ffrankati numru sew ta’ differimenti inutili għax minn issa ‘l quddiem kull parti, i.e. l-prosekuzzjoni, id-difiża u l-imputat, jkunu jafu bid-data u għalhekk jonqsu r-raġunijiet għala dawn jiġu differiti mingħajr ma jsir xejn fihom.
3) F’każ li tibda inkjesta maġisterjali, mhux fuq talba ta’ l-Avukat Ġenerali jew Pulizijia, f’dak il-każ:
| a) | Il-Magistrat jintgħażel bil-polza; |
| b) | L-indagat jiġi infurmat li se ssir inkjesta dwar l-aġir tiegħu; |
| c) | L-indagat jista’ jappella quddiem il-Qorti Kriminali biex dik l-inkjesta ma ssirx. |
4) Bħala parti mill-proċess għall-bidla iktar fil-fond fil-proċess Kriminali tal-ġuri qed jiġu fis-seħħ tliet passi. L-ewwel, mill-lum ‘l quddiem il-prosekuzzjoni u d-difiża ser jkollhom l-opportunita’ li qabel jiġi appuntat ġurat jiġi mistoqsi domandi li minnhom wieħed jkun jista’ jinduna jekk huwiex diġa preġudikat fil-każ jew le. It-tieni, li l-għażla tal-lista tal-persuni li jservu ta’ ġurati ser tibda issir darbtejn fis-sena u mhux darba; mhux biss iżda fil-bord tal-għażla ġew issa maħtura l-Avukat Ġenerali jew rappreżentant tiegħu, kif ukoll l-Presidenti tal-Kamra ta’ l-Avukati u tal-Prokuraturi Legali. It-tielet, li permezz ta’ avviż legali li jrid jiġi ppublikat iktar ‘il quddiem il-ġurati għal kull każ mhux ser jibqgħu jiġu magħżula bis-sistema tal-lum jiġifieri grupp għal kull xahar iżda għall-kull każ skond sistema komputeriżżata.
5) Ser titneħħa kompletament il-proċedura li biha persuna misjuba ħatja, jekk ma titlobx minnufih is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza tagħha, titlef id-dritt tagħha li tappella.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958