FAŻI OĦRA TA’ RESTAWR TAT-TEATRU MANOEL BL-GĦAJNUNA TAL-MIA
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar ix-xogħol ta’ restawr li qed jitwettaq bħalissa fit-Teatru Manoel. Ix-xogħol ta’ restawr fit-Teatru Manoel hu proċess kontinwu li qed iwassal biex dan it-teatru jingħata s-sbuħija oriġinali tiegħu.
Il-Gvern jalloka kull sena ammonti konsiderevoli ta’ flus biex isebbaħ dan it-teatru u biex itejjeb il-faċilitajiet li fih. F’dawn l-aħħar snin il-Gvern alloka flus għall-bini ta’ tlett studio apartments, għall-wardrobe, għal xogħlijiet f’Casa Bonici, għall-manutenzjoni tas-saqaf tal-bitħa, għall-bini ta’ dressing rooms u kmamar għar-rehearsals, għal lift għall-passiġġieri u oġġetti, għal tagħmir kontra n-nirien.
Fl-istess waqt għadd ta’ għaqdiet kummerċjali u volontarji qegħdin ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom għal xogħol ta’ restawr u tisbiħ. Waħda minn dawn il-kumpanniji hi l-Malta International Airport li matul l-aħħar erba’ snin wettqet kull sena proġetti ta’ restawr bl-iskop li toħroġ is-sbuħija oriġinali ta’ dan il-post storiku.
· L-ewwel fażi tal-proġett twettqet fl-2003 u kienet tinkludi r-restawr tal-panew dekorattivi fuq il-faċċata tal-palketti tat-teatru.
· It-tieni fażi twettqet fl-2004 u nkludiet il-manutenzjoni straordinarja tad-dekorazzjonijiet indurati bid-deheb.
· It-tielet fażi twettqet is-sena l-oħra u kienet tinvolvi r-restawr ta’ l-arkata tal-proxenju u l-palketti ta’ fuqu u l-coat-of-arms tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena.
· Din is-sena qed titwettaq ir-raba’ fażi tal-proġett li jinkludi restawr tas-saqaf fejn inkixfu novitajiet ġodda fosthom l-impressjoni li s-saqaf għandu l-forma ta’ koppla żgħira meta hu fil-fatt ċatt.
Ix-xogħol ta’ restawr qed jitwettaq minn Sante Guido Restauri u l-grupp ta’ ħaddiema tiegħu taħt id-direzzjoni tal-Professur Giuseppe Mantella u Silvia Orsi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn ix-xogħlijiet qed jikxfu aspetti oriġinali ta’ dan it-teatru li nbena mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u li twieled fl-1732 bħala teatru għal attivitajiet varji, ċentru kulturali u ta’ l-opri, rappreżentazzjonijiet teatrali, kummiedji u spettakli oħra.
Tul is-snin it-Teatru Manoel inbidel f’kumpless kulturali ta’ l-ogħla kwalità biex illum qed iservi bħala teatru ta’ l-opra u għal kunċerti mużikali u orkestrali, bħala sala tal-kunċerti, mużew tat-teatru u gallerija ta’ l-arti.
“Malta hija ffortunata li fil-bini tal-belt il-ġdida l-Kavallieri ta’ San Ġwann ħasbu biex ikollna teatru li mhux biss hu gawhra arkitettonika iżda wkoll ċentru importanti għall-wirjiet li kienu jsiru fih. Dan it-teatru kien inawgurat bil-‘Merope’ ta’ Maffei, traġedja fuq stil klassiku li l-organizzazzjoni tagħha kien att ta’ kuraġġ minħabba l-ħidma diffiċli li kienet tirrikjedi talent u immaġinazzjoni,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Kompla jgħid li t-Teatru Manoel hu llum it-teatru nazzjonali fejn il-Maltin u t-turisti jistgħu jsegwu talent lokali u barrani f’ambjent storiku iżda fl-istess waqt modern. Hu qal li l-impenn tal-Gvern hu li dan il-kumpless kulturali jibqa’ jiġi restawrat u msebbaħ biex ikun dejjem denju ta’ nazzjon sovran.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Teatru Manoel hu wkoll attrazzjoni turistika għal dawk il-viżitaturi li jżuru pajjiżna għall-arti u l-kultura. Hu qal li dan it-teatru, li hu kunsidrat bħala l-aktar wieħed qadim fl-Ewropa, jikkontribwixxi biex ngħollu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna li lkoll flimkien irridu naħdmu biex intejjbu.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958