ĦIDMA FLIMKIEN BIEX NIPPROMWOVU L-ISTORJA U L-KULTURA TAL-BELT VALLETTA
“Il-belt Valletta mhix biss il-kapitali ta’ pajjiżna. Hi ukoll belt li l-UNESCO, ddikjarat bħala sit ta’ wirt dinji. Il-belt hi ċentru storiku, politiku u residenzjali. Hi attrazzjoni turistika importanti li tiġbed lejha l-akbar numru ta’ viżitaturi kull sena. Għalhekk lill-belt kapitali tagħna rridu nkomplu nagħtuha d-dinjità tagħha permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ u restawr u permezz ta’ attivitajiet kulturali.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech kien qed jitkellem waqt it-tnedija ta’ DVD promozzjonali għall-cruise liners li pproduċew l-“Valletta Alive Foundation” bl-għajnuna ta’ sponsorships mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta u r-Republic Street Business Community Association.
Il-Ministru Zammit Dimech saħaq dwar ir-rwol importanti li kellhom l-NGOs u s-settur privat fil-promozzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru turistiku. Hu qal li l-produzzjoni ta’ din id-DVD kien eżempju ta’ ħidma flimkien bejn fondazzjoni u organizzazzjonijiet governattivi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fl-aħħar 20 sena fil-belt Valletta twettqu diversi proġetti ta’ riabilitazzjoni u restawr li ħarġu mill-ġdid is-sbuħija ta’ din il-belt barrokka. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li fost dawn il-proġetti kien hemm uħud ta’ importanza ewlenija bħax-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni taċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u x-xogħlijiet vasti ta’ restawr li saru fl-istess ċentru s-sena l-oħra, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Palazz Presidenzjali u l-Konkatridral ta’ San Ġwann.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-twaqqif tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta wassal biex ġew investiti miljuni ta’ liri fi proġetti ta’ restawr mal-belt kollha. Hu fakkar ukoll li bi sħubija mas-settur privat setgħu jitwettqu proġetti bħal dak tar-restawr tat-Teatru Manoel flimkien mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fid-dokument ta’ qabel il-budget għall-2007 “Securing Our Future” fil-parti dwar is-settur turistiku l-Gvern ħabbar li matul is-sena d-dieħla, kien se jsir xogħol preparatorju fuq il-‘garden city project’ li kien maħsub li jgħaqqad u jgħolli l-livell tal-ġonna pubbliċi fil-belt Valletta u l-Furjana. Il-Ministru fakkar li fl-aħħar snin kienu ġew riabilitati u msebbħa mill-Gvern it-tliet ġonna ewlenin tal-belt: il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Isfel u l-Ġnien ta’ Hastings. Hu qal li ssebbħu wkoll ġonna fil-Furjana inkluż il-Ġnien Re Ġorġ V.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li m’hemmx dubbju li l-belt Valletta kienet tiggwadanja mill-influss dejjem ikbar ta’ viżitaturi fuq cruise liners. Hu qal li filwaqt li s-sena li għaddiet waslu Malta 320,000 passiġġier abbord cruise liners il-konsorzju VISET kien qed jistenna li din is-sena jaslu Malta madwar 400,000 passiġġier abbord cruise liners. Hu qal li l-Gvern fehem l-importanza ta’ dawn il-viżitaturi u kien għalhekk li ħadem bi sħab mal-konsorzju VISET biex inbena l-Cruise Liner Passenger Terminal. Hu qal li l-Gvern wettaq ukoll proġett ta’ tisbiħ tul ir-rotta li dawn il-passiġġieri jieħdu mill-Cruise Terminal sal-belt filwaqt li permezz ta’ fondi mill-MTA qed isir ħasil u tindif ta’ din l-istess rotta kull ġimgħa.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi sforz biex inkomplu ngħollu l-prodott li noffru lit-turist, kull inizjattiva li tittieħed f’dan ir-rigward hi ta’ min jinkoraġġiha. Hu qal li l-MTA kif ukoll il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kienu qed jorganizzaw b’mod regolari attivitajiet kulturali fil-belt Valletta. Hu qal li dawn l-attivitajiet kienu qed jagħtu ħajja ġdida lill-kapitali ta’ pajjiżna sa tard filgħaxija. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-istess attivitajiet kienu qed joffru wkoll lit-turist esperjenza ta’ l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958