VANDALISED WALKWAY IN SLIEMA
Il-Proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Far li qed isir b’ko-finanzjament mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, daħal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif beda jingħata l-ewwel saff ta’ tarmak fuq medda ta’ 600 metru minn din it-triq.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol dal-għodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett, iddeskriva dan il-proġett bħala eżempju ċar ta’ kif xogħlijiet fuq skala daqshekk kbira għal pajjiżna għandhom jiġu mmaniġġjati.
“Dan il-proġett kiber sostanzjalment minn meta nbeda b’żieda ta’ servizzi ġodda - fosthom maintad-drenaġġ ġdid li jgħaqqad il-qasam industrijali ta’ Ħal Far ma’ Bengħisa u l-Freeport. Minkejja dan u sfidi oħra li tfaċċaw mal-milja tax-xogħol, kollox jindika li dan il-proġett għandu jitlesta qabel it-terminu li jistipula l-kuntratt u mal-mira ta’ Novembru din is-sena, li konna ntrabatna biha meta beda x-xogħol fuq dan il-proġett lejn tmiem Novembru s-sena l-oħra,” qal il-Ministru.
Il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-Triq ta’ Ħal Far hija l-eżekuzzjoni ta’ l-aħħar fażi ta’ programm fit-tul li inbeda xi snin ilu biex tinbena r-rotta ta’ toroq li tgħaqqad l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-Freeport ta’ Birżebbuġia. Ix-xogħol jinvolvi l-bini mill-ġdid ta’ 3 kilometri ta’ triq skond il-Klassi Numru 1 tal-istandards ta’ kostruzzjoni tat-toroq ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport. Dan ifisser li t-triq tiflaħ iġġorr madwar 10 miljun vettura tqila tul id-design life tagħha. Għal dan il-proġett hemm allokati €4.7 miljuni li 75% minnhom ser ikunu iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Diversi sezzjonijiet minn din it-triq fil-fatt jinsabu lesti biex jieħdu l-ewwel saff ta’ tarmak, jiġifieri l-base course. Hekk kif jitlesta t-tarmak fuq din l-ewwel medda, bejn il-barracks ta’ Ħal Far u l-junction ma’ Triq tal-Ġebel viċin l-Employment and Training Corporation, il-ġimgħa d-dieħla ser ikun qed jingħata t-tarmak fuq medda oħra ta’ 900 metru bejn nofs it-tul tat-triq u l-junction mat-triq ta’ Għar Ħasan.
Ix-xogħol fuq is-servizzi huwa komplut għal kollox bl-eċċezzjoni ta’ parti ta’ 700 metru mill-main tad-drenaġġ il-ġdid. Fil-fatt, it-triq kollha minbarra l-parti bejn il-junction mat-triq ta’ Għar Ħasan u l-Freeport hija fi stadju avvanzat ta’ tlestija u ffurmata.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal il-proġett ta’ Ħal Far huwa wieħed mill-ewwel proġetti tat-toroq iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bdew resqin sew lejn it-tlestija tagħhom. Huwa fakkar li x-xogħol fuq Vjal l-Avjazzjoni Ċivili ukoll daħal fl-aħħar fażi tiegħu u bħal daż-żmien xahar, it-triq tkun diġà nfetħet għat-traffiku.
“Bit-tlestija ta’ dawn iż-żewġ proġetti fit-tramuntana ta’ pajjiżna, ser ikollna rotta sħiħa ta’ kwazi 9 kilometri li jkunu ta’ livell għoli li wieħed jistenna li jsib f’pajjiż modern Ewropew. Dawn jissarfu f’madwar 18 fil-mija tat-toroq li huma inklużi fit-TEN-T network ta’ l-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Mugliett żied jgħid li huwa l-ħsieb tal-Ministeru li l-parti ta’ din ir-rotta bejn l-ajruport u l-barracks ta’ Ħal Far li kienet inbniet lejn tmiem is-snin 90 tiddaħħal fl-iskema tal-landscaping li ser tiġi implimentata f’dawn il-partijiet il-ġodda.
“Bl-esperjenza li ksibna minn xogħlijiet bħal dan li qed naraw illum, jien konvint li nkunu kapaċi nibdew nużaw il-fondi mill-Perjodu Finanzjarju l-ġdid sa minn meta dawn jkunu disponibbli f’Jannar li ġej,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958