FESTIVAL B’DIFFERENZA FIL-VALLETTA WATERFRONT
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura l-Epoka Festival fil-Valletta Waterfront. Hu saħaq li din is-sena kienet sena rekord ta’ attivitajiet kulturali li għandhom l-iskop li jferrħu lill-Maltin u fl-istess waqt ikunu attrazzjoni turistika.
Din hija t-tieni darba li dan il-festival kien qed jiġi organizzat fil-Valletta Waterfront, li din is-sena għandu t-tema ‘Celebrating Maltese Roots’.
Il-produzzjoni tal-Festival Epoka din is-sena ġiet afdata lil Synergix Events Group, kumpannija ewlenija ta’ avvenimenti li għal dawn l-aħħar 12-il sena iffokat fuq in-niċċa turistika tal-Konferenzi u l-Inċentivi.
Fil-Festival ta’ din is-sena se tingħata l-ħajja lill-epoka tas-sittinijiet sad-disgħinijiet, epoka li matulha ssaqqew l-għeruq għall-identita’ tradizzjonali Maltija espress b’mod aktar kontemporanju.
Matul dan il-Festival se jkun hemm żfin klassiku u żfin folk, kant, kanzunetti b’ton komiku, il-festa tradizzjonali u popolari Maltija bil-banda, bejgħ ta’ qubbajt u mqaret. Se jkun hemm ukoll ħwienetb’varjeta’ ta’ snajja’ tradizzjonali bħall-ġebla Maltija, filigranu, ‘wicker’, insiġ, bizzilla u fuħħar. Se jkun hemm ukoll prodotti ta’ ikel Malti bħal ħxejjex fil-pikless, delikatezzi, għasel, imbid tal-frott maħdum fid-dar u ġelati. Fost l-attivitajiet se jkun hemm il-bini ta’ girna u wirja ta’ strumenti mużikali antiki u tradizzjonali u għodda tal-barrieri.
Attivita’ oħra hi ‘Il-Bankett mal-Kavallieri’ bi drama, ikel u xorb. Matul il-ħamest ijiem tal-festival se jkun organizzat ukoll logħob għaż-żgħażagħ u għal dawk żgħażagħ fil-qalb.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival kien jolqot mill-qrib lis-settur tat-turiżmu kulturali li hu fost l-aktar niċeċ importanti ta’ l-industrja tat-turiżmu. Hu qal li l-fatt li Synergix Events Group kienu qed jorganizzaw il-Festival ta’ din is-sena kien jagħti messaġġ ċar li fil-qasam turistiku - jekk irridu nsaħħu u ntejjbu l-prodott ridna bilfors inkunu professjonali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival kien qed jimla vojt fil-kalendarju kulturali lokali u għalhekk kien xieraq li nappoġġjawh, u appella lil Maltin biex huma wkoll jagħtu l-appoġġ tagħhom billi jiffrekwentawh kif għamlu s-sena l-oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958