DISKORS MILL-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT IL-FTUĦ UFFIĊJALI TAT-TAQSIMA MARITTIMA U T-TAQSIMA TAL-ASSISTENZA UMANITARJA FI ĦDAN ID-DIPARTIMENT TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI – PAOLA – 22 AWISSU 2006
Sur Segretarju Permanenti,
Sur Direttur,
Sinjuri,
Ippermettuli nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi li ġejt mistieden sabiex ninawgura dan il-bini tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jservi bħala ċentru ta’ operazzjonijiet marittimi kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ assistenza umanitarja.
Sodisfatt għaliex qed nara suċċess ieħor minn sensiela li dan id-Dipartiment kiseb minn meta twaqqaf permezz ta’ liġi li ġiet approvata mill-Parlament f’Ottubru ta’ l-1999. Dan id-Dipartiment, li ħa f’idejh ix-xogħol li qabel kien jitwettaq b’dedikazzjoni kbira mill-forzi ta’ l-ordni l-oħra f’pajjiżna, għamel avvanzi kbar, anke grazzi għall-għajnuna imprezzabbli li rċieva fost l-oħrajn mill-Italja u mill-Istati Uniti, li fornew lil dan id-Dipartiment b’tagħmir modern l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tifi tan-nar fuq l-art u fuq il-baħar, kif ukoll f’dak li hu salvataġġ.
Id-Dipartiment għandu għad-dispożizzjoniji tiegħu il-lanċa Garibaldi - li ngħatat mill-Gvern Taljan permezz tar-Raba’ Protokol finanzjarju, kif ukoll żewġ dinghies li permezz tagħhom qed isiru r-rondi fil-baħar f’dawn ix-xhur tas-Sajf. It-tagħmir li ngħata mill-Gvern Taljan kien essenzjali għad-Dipartiment biex jilqa’ għal sejħiet li jinvolvu tifi tan-nar, salvataġg u assistenza oħra. Kull sena jidħlu madwar sitt elef sejħa għall-għajnuna għand dan id-Dipartiment.
L-għajnuna ta’ l-Istati Uniti waslet fil-forma ta’ taħriġ u apparat li d-Dipartiment jiġi bżonn f’inċidenti li jinvolvu materjal perikoluż bħal kimika, li reċentement l-użu tagħha qed isir dejjem aktar komuni.
Inħossni fid-dmir ukoll li nirrikonoxxi u nirringrazzja lill-voluntiera li jaħdmu f’dan id-Dipartiment li jagħtu kontribut importanti ħafna. It-Taqsima tal-Voluntiera twaqqfet tliet snin ilu u tinkludi uffiċjali tat-tifi tan-nar, disaster response team, u dog handlers. Dan it-tim, illum se jissaħħaħ permezz ta’ għaxar voluntiera ġodda li jinkludu avukat u ekonomista, li qed joffru s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas. Mingħajr dawn in-nies, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma kienx jasal fejn irnexxielu jasal illum.
Malta minn dejjem tkun minn ta’ quddiem nett biex toffri l-għajnuna f’pajjiżi oħra li jintlaqtu minn disastri bħal ma ġara bit-Tsunami fis-Sri Lanka u l-urugan Katrina fl-Istati Uniti. Għalhekk it-Taqsima speċjalizzata għall-għajnuna umanitarja kienet essenzjali biex jinżamm dan l-impenn.
Kien biss ftit tal-jiem ilu li kellna xhieda oħra ċara tax-xogħol vitali li jwettaq dan id-Dipartiment fil-qasam ta’ l-għajnuna umanitarja. Il-konflitt fil-Libanu, li dam għaddej tlieta u tletin ġurnata, ħalla warajh ħerba umanitarja notevoli.
F’okkażjonijiet traġiċi bħal dawn, joħroġ aktar is-sens ta’ ġenerożità u solidarjetà tal-pubbliku malti li wieġeb mill-ewwel u bi ħġaru għas-sejħa li saritlu biex joffri oġġetti li jinkludu tagħmir mediku u kull xorta ta’ ikel u xorb biex jintbagħat lin-nies li nqabdu f’nofs dal-kunflitt imdemmi. Kien proprju nhar il-Ġimgħa li dan id-Dipartiment, li ħa ħsieb il-kordinazzjoni tal-ġbir u t-tqassim ta’ din l-għajnuna, ħabbar li l-għajnuna tal-Maltin waslet fil-Libanu u bdiet titqassam lil min kien fil-bżonn.
Bħala gżira mdawra mill-baħar, Malta wkoll għandha bżonn Taqsima Marittima effettiva li tista’ twieġeb bil-ħeffa għal kull sejħa għall-għajnuna minn fuq il-baħar. Meta wieħed iqis il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta kif ukoll iż-żieda ta’ attività marittima mill-Maltin u t-turisti speċjalment matul ix-xhur tas-Sajf, wieħed jista’ japprezza aktar kemm hu importanti li pajjiżna jkun mgħammar sew biex jaffronta inċidenti li din it-tip ta’ attività tista’ tiġġenera.
It-tixrid taż-żejt fuq l-art joħloq ukoll periklu kbir li jrid jitneħħa bil-ħeffa. Sa Lulju ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu kważi sitt mitt sejħa għall-għajnuna li għandha x’taqsam ma’ tixrid taż-żejt fuq l-art. Dawn it-tip ta’ inċidenti jikkostitwixxu l-akbar biċċa mix-xogħol imwettqa minn dan id-Dipartiment.
Dan id-Dipartiment huwa mpenjat kontinwament f’operazzjonijiet li ħafna drabi jinvolvu l-ħajja ta’ nies li jinqabdu f’inċidenti varji kemm f’dawn il-gżejjer kif ukoll fl-ibħra ta’ madwarna.
Għalhekk wieħed ma jistax ma jikkundannax is-sejħiet ta’ emerġenza foloz li jidħlu għand dan id-Dipartiment. Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, daħlu mitejn u sebgħa u tletin sejħa (237) ta’ dan it-tip – aktar min-numru ta’ sejħiet foloz kollha li daħlu s-sena li għaddiet. Atti irresponsabbli ta’ min hu nvolut f’sejħiet bħal dawn, għandhom jiġu kkundannati mingħajr riserva. Ħajjiet ta’ nies li jkunu nvoluti f’inċidenti veri, jistgħu jintilfu sakemm il-ħaddiema ta’ dan id-Dipartiment ikunu mpenjati fuq sejħa li wara jirriżulta li setgħet kienet xi ċajta ta’ individwu jew individwi bla skrupli.
Nixtieq nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid nifraħ lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-ħidma tagħhom biex jiftħu ċentru ta’ dan it-tip u nawguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958