51 APPRENTIST U 40 SID TA’ NEGOZJU JIPPARTEĊIPAW FI PROĠETT TA’ LEONARDO DA VINCI
Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, flimkien mal-Korporazzjoni ta’ l-Impiegi u Taħrig (ETC) u l-MCAST qegħdin jimplimentaw proġett ta’ Leonardo da Vinci li jgib l-isem ‘From a Student in Apprenticeship to an Entrepreneur’. F’dan il-progett mistennija jippartecipaw apprendisti tal-MCAST li qegħdin jaħdmu ma’ diversi negozji żgħar fosthom electricians, hairdressers, mechanics, plumbers, panel beaters, mastrudaxxi, welders, printers, tiswija ta’ air conditioners, draughtsmen, u technicians.
Dan il-progett ser jagħti ċ-ċans lil studenti Maltin sabiex imorru barra minn Malta għal tliet gimgħat biex jieħdu esperjenza ta’ xogħol f’kumpaniji u industriji varji. Barra milli l-istudenti ser ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom bħala ħaddiema, dan il-proġett ser ikun qed jagħtihom ukoll iċ-ċans li jsiru jafu aktar lilhom nfushom, u jrawmu mentalita’ imprenditorjali b’perspettiva differenti lejn ix-xogħol u lejn is-self employment.
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett qal li “quddiemi llum hawn eżempju ta’ negozji żgħar li l-Gvern jixtieq jara ħafna aktar bħalhom. Dawn huma eżempju ta’ best practice għal negozji żgħar oħra bħalhom għall-mod ta’ kif dawn qed jipparteċipaw fis-suċċess ta’ dan il-pajjiż. Dan għaliex għandna, l-ewwel nett, eżempju ta’ negozjanti li qed jemmnu u jħaddmu apprendisti għall-gid tan-negozju tagħhom. Imbagħad għandna lil dawn l-istess negozji joffru lilhom infushom disponibbli sabiex jipparteċipaw fi proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea. B’dan il-mod aħna nistgħu nirbħu aktar proġetti bħal dan li qed inħabbru llum lejn Malta u b’hekk ngħinu lil dawn in-negozji żgħar jiżviluppaw.”
Huwa sinifikattiv li kemm l-ETC u l-MCAST qegħdin jaħdmu flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed f’din l-inizjattiva, xhieda ta’ kemm il-Gvern qiegħed jaħdem flimkien ma’ diversi Ministeri, Dipartimenti u Awtoritajiet oħra sabiex ikunu disponibbli diversi opportunitajiet u għajnuniet għan-negozji żgħar u s-self employed f’pajjiżna.
Iċ-Chairman ta’ l-ETC, is-Sur Michael Balzan, qal li “preżentament hawn aktar minn 800 zagħzugħ u zagħzugħa li qegħdin jakkwistaw taħriġ fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ l-apprendistat. Il-Korporazzjoni qed tagħmel l-almu tagħha biex dan in-numru jiżdied u fil-fatt qiegħda preżentament tipproċessa madwar 400 applikazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ li huma interessati li jkunu apprendisti. Il-biċċa l-kbira ta’ l-apprendisti qed jiġu mħarrġa minn ħaddiema fis-settur privat. Il-Korporazzjoni hija kontinwament impenjata biex tassigura li t-tranżizzjoni bejn il-bank ta’ l-iskola u d-dinja tax-xogħol tkun waħda bla xkiel. Fil-ġranet li ġejjin il-Korporazzjoni ser tkun qiegħda tqassam ‘il fuq minn 200 ċertifikat lil żgħażagħ li temmew b’suċċess l-apprentistat tagħhom is-sena l-oħra.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST, is-Sur Paul Attard, qal li ”l-MCAST qed jagħti mportanza mistħoqqa lill-imprenditorija fil-korsijiet li joffri biex l-istudenti, sa minn eta` bikrija, jibdew jikkonsidraw ukoll il-possibilta` li jiftħu negozju, jagħmlu prodott jew joffru servizz għal rashom u b'hekk ikunu qed joħolqu x-xogħol għalihom nfushom u jikkontribwixxu, anke jekk bi ftit, għall-ekonomija tal-pajjiz. F'dan il-qasam l-MCAST qed jaħdem mill-qrib mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed.
“Din l-inizjattiva hi opportunita` tajba ħafna ghal 51 student mill-MCAST li qed jieħdu sehem fil-Programm Leondardo da Vinci u ser isiefru għal tliet gimgħat biex jesperjenzaw inizjattivi ta' imprenditorija. L-MCAST jagħti importanza kbira lid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħrig. L-esperjenza li dawn l-istudenti qed jieħdu mill-apprentistat ser tkun ta' gid kbir għalihom, mhux biss waqt il-kors tagħhom fl-MCAST, iżda wkoll meta joħorgu jaħdmu. L-MCAST lest li jaħdem ma' diversi entitajiet oħra fl-aħjar interess ta' l-istudenti u tal-pajjiż.”
Fi tmiem tal-konferenza, l-Onor. Edwin Vassallo qal li “b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartimenti tal-Gvern, il-ħidma tagħna llum qed tkun aktar effettiva għas-suċċess u l-iżvilupp tan-negozju f’pajjiżna, minkejja id-dell ikrah li wħud qed jippruvaw jitfgħu lil dawn in-negozji fih. Il-Gvern qiegħed jinvesti ukoll fit-tul fl-istudenti tagħna sabiex dawn ikabbru l-potenzjal tagħhom u jsiru aktar assertivi u jkunu ħaddiema aktar effiċjenti fuq xogħolhom u kompetittivi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Dan huwa l-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ dan il-pajjiz.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958