ĦIDMA INTENSIVA F’DIVERSI WIDIEN MADWAR PAJJIŻNA
Xogħlijiet f’Wied ta’ l-Isqof, f’Wied is-Sewda, Wied il-Kbir, Wied Irmiedi, Wied Incita u fiż-Żona taċ-Chadwick Lakes
Il-prevenzjoni mill-għargħar fid-diversi inħawi tal-pajjiż hija priorità għall-Gvern preżenti. Apparti l-proġetti ta’ bini ta’ watercourses, il-Ministeru fix-xhur tas-sajf qed iwettaq ħidma intensiva li tinkludi tindif ta’ widien, tiswija ta’ reċensjonijiet u tiswijiet oħra neċessarji sabiex kull passaġġ ta’ ilma jkun nadif minn kull ostaklu u lest biex jilqa’ l-ilma tax-xita. Dan qalu l-Ministru, Ninu Zammit, meta kien qed iżur xogħlijiet li qed isiru f’Wied l-Isqof.
Ix-xogħlijiet f’dan il-wied, li jibda minn Tal-Virtù fir-Rabat, kienu jikkonsistu f’tindif sabiex jinfetaħ l-aċċess, kemm għall-passaġġ ta’ l-ilma kif ukoll għall-bdiewa. Ġew mibnija numru ta’ pontijiet matul il-korsa ta’ l-ilma li, prinċipalment iservu għall-aċċess aħjar għar-raba’ tal-bdiewa, kif ukoll tneħħew ir-rampi preċedenti li kienu qed ikunu ta’ blokk għall-passaġġ ta’ l-ilma. Il-Ministru Ninu Zammit spjega li barra dawn ix-xogħlijiet qed isiru wkoll xogħlijiet ta’ tindif u tneħħija ta’ materjal mormi illegalment f’Wied is-Sewda u Wied il-Kbir. Dawn iż-żewġ widien kienu diġà tnaddfu fis-snin li għaddew, iżda bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni annwali dan il-proċess qed ikun wieħed regolari ta’ kull sena. F’Wied is-Sewda qed isiru wkoll xogħlijiet ta’ tiswija u bini mill-ġdid ta’ reċensjonijiet. Dawn iż-żewġ widien jilqgħu fihom l-ilma li jkun ġej minn żewġ widien oħra li huma Wied Rmiedi u Wied Inċita fejn ukoll qed isiru xi xogħlijiet. Ix-xogħlijiet jinkludu tindif u tneħħija ta’ materjal akkumulat maż-żmien, kif ukoll bini ta’ kanal li jgħaqqad kanal li kien sar s-sena l-oħra li jibda minn Ta’ Qali u jibqa’ nieżel sa Ħ’Attard.
L-interventi li qed isiru fin-numru kbir ta’ widien f’pajjiżna huwa pprogrammat b’tali mod li l-mgħoddija ta’ l-ilma tkun assigurata li ma jkollha l-ebda xkiel sabiex il-korsi ta’ l-ilma jkunu lesti għax-xitwa. Għaldaqstant, ix-xogħlijiet qed isiru mhux biss fiċ-ċentru u n-nofsinhar tal-pajjiż iżda wkoll fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, bħalma qed isir fiz-zona tac-Chadwick Lakes. F’din iz-zona kien waqa’ ħajt li kien parti minn wied li jilqa fih volum kbir ta’ ilma li jkun ġej minn naħa ta’ fuq ta’ Malta. Wara li jsir it-taħmil neċessarju ser jinbena mill-ġdid il-ħajt u r-reċenzjoni li fuq naħa ser jilqa l-ilma u fuq n-naħa l-oħra se jservi bħala lqugħ għall-ħamrija tar-raba’ tal-madwar.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li, kif ġie spjegat, ta’ kull sena qed isir programm estensiv ta’ manutezjoni u tindif tal-widien. Ir-riżorsi umani fi ħdan il-Ministeru qed ikunu mpenjati bis-sħiħ u l-investiment fil-makkinarju li sar fl-aħħar snin qed jgħin sabiex xogħlijiet ta’ din in-natura jkunu jistgħu jsiru aħjar u b’aktar effiċjenza.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li dawn ix-xogħlijiet ikopru parti mill-programm ħolistiku ta’ proġetti għall-prevenzjoni mill-għargħar u ma’ dawn wieħed irid isemmi x-xogħlijiet li saru u qed isiru fil-Marsa u f’Ħal Qormi u li ser jinbdew fil-bini mill-ġdid ta’ kanal f’Burmarrad.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958