Left arrow Mur Lura

IL-BIEDJA: FIL-MIXJA TAL-PROGRESS B’GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR LI LEĦQET LM7.6 MILJUN FL-2005

PR1157
Date Icon 16/08/2006

Fl-okkażjoni tal-Wirja Agrikola li saret Għawdex fil-festa ta’ Santa Marija, is-Segretarju Parlamentari Dr Francis Agius tkellem dwar it-titjib u l-investiment li qiegħed iseħħ kemm fil-qasam tal-biedja kif ukoll fil-qasam tat-trobbija tal-bhejjem. 

Dr  Agius qal li meta wieħed jara kif qed titwettaq din il-mixja ta’ progress isib li fl-2002 l-għajnuna għar-ristrutturar kienet ta’ Lm643,000.  Din l-għajnuna kienet tkopri sitt miżuri li hamsa kienu għas-settur tal-bhejjem u miżura waħda kienet għas-settur tal-biedja. Fis-sena 2005 l-għajnuna għar-ristrutturar leħqet Lm7.6miljun. Din l-għajnuna għall-investiment tkopri b’kollox madwar 20 miżura. Għaxar miżuri minn dawn ikopru s-settur tal-ħalib, is-settur tal-majjal u s-settur tat-tjur. Miżuri oħra finanzjati mill Unjoni Ewropea huma l-Ad Hoc għar-raħħala full time, iċ-ċanga, in-nagħaġ. L-ammont ta’ dawn il-miżuri jlaħħaq Lm3.68 miljun. 

L-għaxar miżuri l-oħra jkopru s-settur tal-frott u ħaxix, is-settur tat-tadam, is-settur ta’ l-inbid u miżuri oħra li għandhom finanzjament mill-Unjoni Ewropea fejn jibbenefika ż-żona żvantaġjata, il-ħitan tas-sejjieħ, l-Ad Hoc għall-bdiewa full time u l-mgħalef. L-ammont ta’ dawn il-miżuri jlaħħaq Lm3.94miljun. 

Ma’ din l-għajnuna, qal Dr Agius, wieħed irid jgħodd l-investiment li qiegħed iseħħ bis-saħħa tal-Fond Ewropew għall Gwida u Garanzija Agrikola (EAGGF) taħt il-miżura 3.1 u 3.2. Min dan il-fond ibbenefikaw raħħala, bdiewa u l-agro industrija. Dr Agius ta’ tagħrif li din is-sena t-talba għall-investiment taħt il-fond Ewropew leħqet Lm 6.54 miljun għall-investimenti fl-strutturi Agrikoli u Lm 3.65 miljun għall investiment ta’ l-agro industija. Dawn l-investimenti kollha qed iħallu riżultati tajbin kemm għall-indusrtrija kollha tal-biedja u fuq kollox għall-konsumatur li qed jibbenefika minn kwalita’ ta’ prodotti lokali. Tant hu hekk illi fl-aħħar stħarriġ li sar mill-Misco, 95% tal-konsumaturi  Maltin qed jagħżlu prodotti lokali. 

Ma’ dan l-investiment Dr Agius qal li l-gvern baqa’ miexi bir-riforma fil-pitkalija. Għal dan il-għan fil-pitkalija sar investiment ta’ aktar minn Lm588,000 taħt il-ħames protokoll Taljan biex jinbena stazzjon għall-grading, ippakkjar, faċilita’ ta’ kmamar tal-friża.

Matul din is-sena kellna produzzjoni tajba ħafna ta’ ħxejjex u frott f’pajjizna. Ninnota b’sodisfazzjon kbir, qal Dr Agius, il-fatt li l-bdiewa tagħna qed jaraw, li iktar ma jippreżentaw il-prodott tagħhom b’galbu u b’dehra aħjar, iktar qed ikun hawn domanda u xi kultant anke prezzijiet aħjar. Meta wieħed jara l-volum ta’ kili li daħlu fil-pitkalija malajr jinnota li ż-żieda kienet waħda sostanzjali. Jekk inqabblu l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ma’ sentejn ilu naraw kif il-produzzjoni kibret u allura naraw kemm kienet ta’ għajnuna l-ħdima ta’ gvern biex jippromuovi l-prodott frisk lokali. 

Jekk naraw il-produzzjoni li kellna bejn Jannar sa Ġunju tas-sena 2004 (allura iż-żmien qabel ma Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea) insibu li l-produzzjoni f’Malta u Għawdex kienet ta’ 17,185,689 kili. Għax-xhur Jannar sa Ġunju 2005 insibu li din kienet tlaħħaq għal 17,499,087 kili. Jekk imbgħad naraw x’kienet il-produzzjoni għal Jannar sa Ġunju 2006 insibu li din kompliet tiżdied u l-ammont kollu kien ta’ 19,672,471 kili. 

Dan hu suċċess kbir għall bdiewa tagħna. Suċċess, li hu indikatur tajjeb li l-bdiewa tagħna qed jaraw futur għall-biedja lokali. Suċċess li jindika li l-għajnuna finanzjarja li qed jagħti l-gvern ħalli jsir ir-ristrutturar meħtieġ u li ssir presentazzjoni tajba tal-prodott qed taħdem. Dan ikompli jagħti raġun lill-gvern meta konna ninsistu li hemm bżonn li jsir dan it-tibdil mhux biss inkunu nistgħu nikkompetu imma biex il-konsumatur nagħtuh l-aħjar prodott li jixraqlu. 

Is-Segretarju Parlamentari Dr Agius qal li ma’ dan l-investiment twaqqfu żewġ għaqdiet tal-produtturi, il-Gozitano u l-Gomriża. Twaqqfet ukoll Ta’ Qali Għaqda tal-Produtturi. Dr Agius kompla billi feraħ lill-Gozitano mhux talli kienet l-ewwel għaqda tal-produtturi imma li se tkun l-ewwel Għaqda li l-membri tagħha se jibbenfikaw minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea fi ftit ġimgħat oħra. B’dawn l-għaqdiet tal-produtturi l-bidwi se jkun huwa li jmexxi dirett il-prodott tiegħu fis-suq. Twaqqfu ukoll żewġ għaqdiet tal-produtturi għat-tadam għall-ipproċessar. Din is-sena l-proċċesuri ser jkunu qed jixtru mingħand il-bdiewa 10.5 tunnellati ta’ tadam. Dan ifisser zieda ta’ tlett miljun kilo ta’ tadam aktar mis-sena 2005. 

Dr Agius qal lis-settur ta’ l-ipproċessar ukoll għamel titjib sostanzjali. Fil-qasam tal-ipproċessar tal-laħam il-lum għandna approvati 32-il stabbiliment skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ukoll huwa awgurju tajjeb għas-settur tal-bhejjem kollu. Dan juri ukoll li llum il-prodotti agrikoli maħduma lokalment qed isibu posthom fuq l-ixkaffef ta’ supermarkets u jikkompetu f’suq liberalizzat.   

Fl-aħħarnett is-Segretarju Parlamentari Agius tenna li l-prodott Malti qiegħed ikun ippreferut minn dak li jiġi minn pajjiżi oħra. Dan minhabba r-raġuni li l-ħaxxix, il-frott, il-ħalib, laħam tal-majjal, laħam tat-tiġieġ huma friski, ta’ kwalita’ u fuq kollox dawn l-ingredjenti kollha jagħmlu d-dieta Mediterranja li ħafna jsostnu li hi l-aħjar ikel għas-saħħa tal-bniedem.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow