IL-BIEDJA: FIL-MIXJA TAL-PROGRESS B’GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR LI LEĦQET LM7.6 MILJUN FL-2005
Fl-okkażjoni tal-Wirja Agrikola li saret Għawdex fil-festa ta’ Santa Marija, is-Segretarju Parlamentari Dr Francis Agius tkellem dwar it-titjib u l-investiment li qiegħed iseħħ kemm fil-qasam tal-biedja kif ukoll fil-qasam tat-trobbija tal-bhejjem.
Dr Agius qal li meta wieħed jara kif qed titwettaq din il-mixja ta’ progress isib li fl-2002 l-għajnuna għar-ristrutturar kienet ta’ Lm643,000. Din l-għajnuna kienet tkopri sitt miżuri li hamsa kienu għas-settur tal-bhejjem u miżura waħda kienet għas-settur tal-biedja. Fis-sena 2005 l-għajnuna għar-ristrutturar leħqet Lm7.6miljun. Din l-għajnuna għall-investiment tkopri b’kollox madwar 20 miżura. Għaxar miżuri minn dawn ikopru s-settur tal-ħalib, is-settur tal-majjal u s-settur tat-tjur. Miżuri oħra finanzjati mill Unjoni Ewropea huma l-Ad Hoc għar-raħħala full time, iċ-ċanga, in-nagħaġ. L-ammont ta’ dawn il-miżuri jlaħħaq Lm3.68 miljun.
L-għaxar miżuri l-oħra jkopru s-settur tal-frott u ħaxix, is-settur tat-tadam, is-settur ta’ l-inbid u miżuri oħra li għandhom finanzjament mill-Unjoni Ewropea fejn jibbenefika ż-żona żvantaġjata, il-ħitan tas-sejjieħ, l-Ad Hoc għall-bdiewa full time u l-mgħalef. L-ammont ta’ dawn il-miżuri jlaħħaq Lm3.94miljun.
Ma’ din l-għajnuna, qal Dr Agius, wieħed irid jgħodd l-investiment li qiegħed iseħħ bis-saħħa tal-Fond Ewropew għall Gwida u Garanzija Agrikola (EAGGF) taħt il-miżura 3.1 u 3.2. Min dan il-fond ibbenefikaw raħħala, bdiewa u l-agro industrija. Dr Agius ta’ tagħrif li din is-sena t-talba għall-investiment taħt il-fond Ewropew leħqet Lm 6.54 miljun għall-investimenti fl-strutturi Agrikoli u Lm 3.65 miljun għall investiment ta’ l-agro industija. Dawn l-investimenti kollha qed iħallu riżultati tajbin kemm għall-indusrtrija kollha tal-biedja u fuq kollox għall-konsumatur li qed jibbenefika minn kwalita’ ta’ prodotti lokali. Tant hu hekk illi fl-aħħar stħarriġ li sar mill-Misco, 95% tal-konsumaturi Maltin qed jagħżlu prodotti lokali.
Ma’ dan l-investiment Dr Agius qal li l-gvern baqa’ miexi bir-riforma fil-pitkalija. Għal dan il-għan fil-pitkalija sar investiment ta’ aktar minn Lm588,000 taħt il-ħames protokoll Taljan biex jinbena stazzjon għall-grading, ippakkjar, faċilita’ ta’ kmamar tal-friża.
Matul din is-sena kellna produzzjoni tajba ħafna ta’ ħxejjex u frott f’pajjizna. Ninnota b’sodisfazzjon kbir, qal Dr Agius, il-fatt li l-bdiewa tagħna qed jaraw, li iktar ma jippreżentaw il-prodott tagħhom b’galbu u b’dehra aħjar, iktar qed ikun hawn domanda u xi kultant anke prezzijiet aħjar. Meta wieħed jara l-volum ta’ kili li daħlu fil-pitkalija malajr jinnota li ż-żieda kienet waħda sostanzjali. Jekk inqabblu l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ma’ sentejn ilu naraw kif il-produzzjoni kibret u allura naraw kemm kienet ta’ għajnuna l-ħdima ta’ gvern biex jippromuovi l-prodott frisk lokali.
Jekk naraw il-produzzjoni li kellna bejn Jannar sa Ġunju tas-sena 2004 (allura iż-żmien qabel ma Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea) insibu li l-produzzjoni f’Malta u Għawdex kienet ta’ 17,185,689 kili. Għax-xhur Jannar sa Ġunju 2005 insibu li din kienet tlaħħaq għal 17,499,087 kili. Jekk imbgħad naraw x’kienet il-produzzjoni għal Jannar sa Ġunju 2006 insibu li din kompliet tiżdied u l-ammont kollu kien ta’ 19,672,471 kili.
Dan hu suċċess kbir għall bdiewa tagħna. Suċċess, li hu indikatur tajjeb li l-bdiewa tagħna qed jaraw futur għall-biedja lokali. Suċċess li jindika li l-għajnuna finanzjarja li qed jagħti l-gvern ħalli jsir ir-ristrutturar meħtieġ u li ssir presentazzjoni tajba tal-prodott qed taħdem. Dan ikompli jagħti raġun lill-gvern meta konna ninsistu li hemm bżonn li jsir dan it-tibdil mhux biss inkunu nistgħu nikkompetu imma biex il-konsumatur nagħtuh l-aħjar prodott li jixraqlu.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Agius qal li ma’ dan l-investiment twaqqfu żewġ għaqdiet tal-produtturi, il-Gozitano u l-Gomriża. Twaqqfet ukoll Ta’ Qali Għaqda tal-Produtturi. Dr Agius kompla billi feraħ lill-Gozitano mhux talli kienet l-ewwel għaqda tal-produtturi imma li se tkun l-ewwel Għaqda li l-membri tagħha se jibbenfikaw minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea fi ftit ġimgħat oħra. B’dawn l-għaqdiet tal-produtturi l-bidwi se jkun huwa li jmexxi dirett il-prodott tiegħu fis-suq. Twaqqfu ukoll żewġ għaqdiet tal-produtturi għat-tadam għall-ipproċessar. Din is-sena l-proċċesuri ser jkunu qed jixtru mingħand il-bdiewa 10.5 tunnellati ta’ tadam. Dan ifisser zieda ta’ tlett miljun kilo ta’ tadam aktar mis-sena 2005.
Dr Agius qal lis-settur ta’ l-ipproċessar ukoll għamel titjib sostanzjali. Fil-qasam tal-ipproċessar tal-laħam il-lum għandna approvati 32-il stabbiliment skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ukoll huwa awgurju tajjeb għas-settur tal-bhejjem kollu. Dan juri ukoll li llum il-prodotti agrikoli maħduma lokalment qed isibu posthom fuq l-ixkaffef ta’ supermarkets u jikkompetu f’suq liberalizzat.
Fl-aħħarnett is-Segretarju Parlamentari Agius tenna li l-prodott Malti qiegħed ikun ippreferut minn dak li jiġi minn pajjiżi oħra. Dan minhabba r-raġuni li l-ħaxxix, il-frott, il-ħalib, laħam tal-majjal, laħam tat-tiġieġ huma friski, ta’ kwalita’ u fuq kollox dawn l-ingredjenti kollha jagħmlu d-dieta Mediterranja li ħafna jsostnu li hi l-aħjar ikel għas-saħħa tal-bniedem.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958