Left arrow Mur Lura

JIFTĦU L-EWWEL STABBILIMENTI KUMMERĊJALI FIX-XATT TAL-BIRGU

PR1154
Date Icon 14/08/2006

L-ewwel tlieta minn ħames stabbilimenti ta’ l-ikel li mistennija jiftħu sa’ Ottubru fil-bini tat-Teżorerija l-Antika fix-Xatt tal-Birgu bdew jilqgħu l-ewwel klijenti din il-ġimgħa wara li tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tat-tisbiħtax-Xatt.

F’diskors qasir waqt żjara li għamel fit-Teżorerija l-Antika, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li l-għan tal-proġett tar-riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Kottonera kien li jqajjem mill-ġdid lil din iż-żona mitluqa u li joffri opportunitajiet ta’ xogħol ġodda għar-residenti tal-Kottonera u n-nofsinhar ta’ Malta.

“L-investiment fir-restawr tal-bini tat-Teżorerija l-Antika qed jagħmel propju dan. Li qed naraw illum huma fost l-ifjen stabbilimenti ta’ l-ikel u divertiment li hawn f’din in-naħa ta’ Malta. Ta’ min ifaħħar ukoll is-sidien tagħhom talli qed jagħżlu li jħaddmu persuni minn dawn l-inħawi biex jaħdmu fihom,” qal il-Ministru Mugliett.

Hu żied jgħid li dawn l-istabbilimenti ser jikkumplimentaw sew l-attivitajiet li diġà qabdu sew matul ix-Xatt, ewlenin fosthom il-Casinò di Venezia u l-Grand Harbour Marina, iżda anke il-Mużew Marittimu. Fil-fatt dawn ser ikunu miftuħin kemm filgħaxija iżda anke bin-nhar biex jaqdu t-turisti li jżuru t-tliet ibliet.

Il-kumpannija Treasury Development Co. Ltd. li hija responsabbli mill-bini tat-Teżorerija l-Antika nvestiet Lm1.2 miljuni fi proġett ta’ restawr u konverżjoni ta’ dan il-bini storiku. Il-proġett tlesta f’madwar sena u nofs u l-ewwel uffiċini bdew joperaw minn hemm kmieni din is-sena. Lm500,000 oħra ġew investiti fit-tlestija tat-tliet stabbilimenti ta’ l-ikel li diġà fetħu u fit-tnejn l-oħra li ser jiftħu qabel Ottubru. B’kollox dawn l-istabbilimenti ser ikunu jistgħu jilqgħu mas-600 klijent f’daqqa u jħaddmu mal-50 ruħ.

“Bil-ftuħ ta’ dawn ir-ristoranti x-Xatt tal-Birgu ser jibda’ joffri għażla varjata ta’ intratteniment fl-isfond spettakolari tal-Forti Sant’ Anġlu u s-Swar tal-Belt Valletta. L-avveniment tal-lum jixhed l-għaqal tal-Gvern li jagħti prijorità lill-proġett tal-landscaping tax-Xatt li għandu propju l-għan li jagħti ambjent xieraq lil dawn l-inħawi. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara l-potenzjal ta’ dan is-sit jiġi sfruttat ftit ġimgħat biss wara li tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet tal-landscaping tax-xatt.” qal il-Ministru Mugliett.

Il-proġett tat-tisbiħ tax-Xatt tal-Birgu huwa proġett ta’ Lm400,000 li kien xprunat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq bil-kontribuzzjoni tal-konsorzja li joperaw matul ix-xatt. L-ewwel fażi tal-proġett li nbdiet f’Marzu, kienet tikkonsisti fit-tqegħid ta’ servizzi ġodda u titjib ta’ dawk eżistenti, it-tqegħid ta’ madwar 6,000 metru kwadru ta’ granit, kif ukoll il-formazzjoni u l-kisi tat-triq li tagħti aċċess għax-xatt. Dan kollu tlesta f’madwar erba’ xhur.

L-Awtorità dwar it-Trasport ftit tal-ġimgħat ilu ħarġet tender għax-xiri tad-dwal li ser jiġu installati matul ix-Xatt. Aktar tard il-waterfront  ser jissebbaħ ukoll b’bankijiet u soft landscaping ieħor. Inħareġ ukoll tender biex Triq San Lawrenz, li tinsab fuq wara tax-Xatt, tinbena mill-ġdid. Parti minn din ser tinkesa b’ġebel tal-qawwi li jidħol sew mal-karattru storiku tal-Belt Vittoriosa.

Il-ħsieb huwa li ż-żona tax-xatt mill-Bieb ta’ l-Ammiraljat ’l ġewwa ssir waħda pedonali u l-aċċess għat-traffiku jkun jista’ jsir biss minn vetturi awtorizzati. Intant, Xatt ir-Risk ser jinqaleb f’parkeġġ organizzat bħala miżura temporanja sabiex ikun jista’ jaqdi l-ħtiġijiet ta’ l-iżvilupp tax-xatt sakemm jitlesta l-parkeġġ f’Santa Margerita.

Waqt dawra qasira matul ix-Xatt tal-Birgu, il-Ministru Mugliett spjega lill-ġurnalisti preżenti li l-għan tal-proġett ta’ tisbiħ tax-xatt huwa li jagħmel mix-xatt attrazzjoni minnu innifsu.

“Dan huwa Gvern li għandu l-viżjoni ċara li jara l-qawmien mill-ġdid li qed naraw iseħħ fil-Birgu b’dan il-Proġett tinfirex anke lejn Bormla u l-Isla bil-Proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Baċir Numru 1,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Bħal issa l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qiegħed jevalwa l-proposti għall-iżvilupp tal-Baċir Numru 1 u l-inħawi tal-madwar li ġew sottomessi mill-konsorzju Gruppo Romegas li ġie shortlistedgħal dan l-Iżvilupp.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow