JIFTĦU L-EWWEL STABBILIMENTI KUMMERĊJALI FIX-XATT TAL-BIRGU
L-ewwel tlieta minn ħames stabbilimenti ta’ l-ikel li mistennija jiftħu sa’ Ottubru fil-bini tat-Teżorerija l-Antika fix-Xatt tal-Birgu bdew jilqgħu l-ewwel klijenti din il-ġimgħa wara li tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tat-tisbiħtax-Xatt.
F’diskors qasir waqt żjara li għamel fit-Teżorerija l-Antika, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li l-għan tal-proġett tar-riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Kottonera kien li jqajjem mill-ġdid lil din iż-żona mitluqa u li joffri opportunitajiet ta’ xogħol ġodda għar-residenti tal-Kottonera u n-nofsinhar ta’ Malta.
“L-investiment fir-restawr tal-bini tat-Teżorerija l-Antika qed jagħmel propju dan. Li qed naraw illum huma fost l-ifjen stabbilimenti ta’ l-ikel u divertiment li hawn f’din in-naħa ta’ Malta. Ta’ min ifaħħar ukoll is-sidien tagħhom talli qed jagħżlu li jħaddmu persuni minn dawn l-inħawi biex jaħdmu fihom,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu żied jgħid li dawn l-istabbilimenti ser jikkumplimentaw sew l-attivitajiet li diġà qabdu sew matul ix-Xatt, ewlenin fosthom il-Casinò di Venezia u l-Grand Harbour Marina, iżda anke il-Mużew Marittimu. Fil-fatt dawn ser ikunu miftuħin kemm filgħaxija iżda anke bin-nhar biex jaqdu t-turisti li jżuru t-tliet ibliet.
Il-kumpannija Treasury Development Co. Ltd. li hija responsabbli mill-bini tat-Teżorerija l-Antika nvestiet Lm1.2 miljuni fi proġett ta’ restawr u konverżjoni ta’ dan il-bini storiku. Il-proġett tlesta f’madwar sena u nofs u l-ewwel uffiċini bdew joperaw minn hemm kmieni din is-sena. Lm500,000 oħra ġew investiti fit-tlestija tat-tliet stabbilimenti ta’ l-ikel li diġà fetħu u fit-tnejn l-oħra li ser jiftħu qabel Ottubru. B’kollox dawn l-istabbilimenti ser ikunu jistgħu jilqgħu mas-600 klijent f’daqqa u jħaddmu mal-50 ruħ.
“Bil-ftuħ ta’ dawn ir-ristoranti x-Xatt tal-Birgu ser jibda’ joffri għażla varjata ta’ intratteniment fl-isfond spettakolari tal-Forti Sant’ Anġlu u s-Swar tal-Belt Valletta. L-avveniment tal-lum jixhed l-għaqal tal-Gvern li jagħti prijorità lill-proġett tal-landscaping tax-Xatt li għandu propju l-għan li jagħti ambjent xieraq lil dawn l-inħawi. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara l-potenzjal ta’ dan is-sit jiġi sfruttat ftit ġimgħat biss wara li tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet tal-landscaping tax-xatt.” qal il-Ministru Mugliett.
Il-proġett tat-tisbiħ tax-Xatt tal-Birgu huwa proġett ta’ Lm400,000 li kien xprunat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq bil-kontribuzzjoni tal-konsorzja li joperaw matul ix-xatt. L-ewwel fażi tal-proġett li nbdiet f’Marzu, kienet tikkonsisti fit-tqegħid ta’ servizzi ġodda u titjib ta’ dawk eżistenti, it-tqegħid ta’ madwar 6,000 metru kwadru ta’ granit, kif ukoll il-formazzjoni u l-kisi tat-triq li tagħti aċċess għax-xatt. Dan kollu tlesta f’madwar erba’ xhur.
L-Awtorità dwar it-Trasport ftit tal-ġimgħat ilu ħarġet tender għax-xiri tad-dwal li ser jiġu installati matul ix-Xatt. Aktar tard il-waterfront ser jissebbaħ ukoll b’bankijiet u soft landscaping ieħor. Inħareġ ukoll tender biex Triq San Lawrenz, li tinsab fuq wara tax-Xatt, tinbena mill-ġdid. Parti minn din ser tinkesa b’ġebel tal-qawwi li jidħol sew mal-karattru storiku tal-Belt Vittoriosa.
Il-ħsieb huwa li ż-żona tax-xatt mill-Bieb ta’ l-Ammiraljat ’l ġewwa ssir waħda pedonali u l-aċċess għat-traffiku jkun jista’ jsir biss minn vetturi awtorizzati. Intant, Xatt ir-Risk ser jinqaleb f’parkeġġ organizzat bħala miżura temporanja sabiex ikun jista’ jaqdi l-ħtiġijiet ta’ l-iżvilupp tax-xatt sakemm jitlesta l-parkeġġ f’Santa Margerita.
Waqt dawra qasira matul ix-Xatt tal-Birgu, il-Ministru Mugliett spjega lill-ġurnalisti preżenti li l-għan tal-proġett ta’ tisbiħ tax-xatt huwa li jagħmel mix-xatt attrazzjoni minnu innifsu.
“Dan huwa Gvern li għandu l-viżjoni ċara li jara l-qawmien mill-ġdid li qed naraw iseħħ fil-Birgu b’dan il-Proġett tinfirex anke lejn Bormla u l-Isla bil-Proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Baċir Numru 1,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Bħal issa l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qiegħed jevalwa l-proposti għall-iżvilupp tal-Baċir Numru 1 u l-inħawi tal-madwar li ġew sottomessi mill-konsorzju Gruppo Romegas li ġie shortlistedgħal dan l-Iżvilupp.Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958