Left arrow Mur Lura

XOGĦOL ESTENSIV FIL-LIĊEO TAL-ĦAMRUN

PR1151
Date Icon 11/08/2006

Bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fil-Liċeo Dun G. Zammit Brighella tal-Ħamrun biex dan ikun lest jilqa` fiħ l-istudenti f’Settembru li ġej għas-sena skolastika l-ġdida.  Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar il-liċeo fejn il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), f’din l-iskola f’dawn l-aħħar snin ser ikun wettaq investiment li jlaħħaq il-kwart ta’ miljun lira. Il-Ministru Louis Galea ħabbar li, bħala parti mill-programm tal-Gvern li l-iskejjel kollha tiegħu jiġu modernizzati, qed jitħejjew il-pjanijiet biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq l-immodernizzar tal-faċilitajiet sportivi tal-Liċeo u l-pitch tal-futbol jingħata wiċċ tat-‘turf’ sintetiku.

Ix-xogħlijiet f’din l-iskola jinkludu l-bdil ta’ l-aperturi ta’ din l-iskola, tiswija tal-kolonni u blajjet tal-faċċata ta’ l-iskola, ‘fencing’ madwar il-grounds ta’ l-iskola u diversi rampi biex titjieb l-aċċessibilità f’din l-iskola.  Tajjeb wieħed jgħid li din hi t-tieni fażi tax-xogħlijiet u li s-sena li għaddiet diġà saru xogħlijiet biex jinbidlu l-aperturi kollha ta’ nofs l-iskola, il-bini ta’ lift shafts u l-istallar tal-liftijiet, tiswijiet tal-blajjet ta’ fuq l-aperturi, bibien interni ġodda, faċilitajiet sanitarji ġodda, inkluż għal persuni b’diżabilità, tibdil u titjib tas-sistema tad-dawl inkluż fil-Gym ta’ l-istess skola.

Kull min jgħaddi minn ħdejn din l-iskola jifhem li anke jekk wieħed jieħu biss il-bdil ta’ l-aperturi jifhem li dan hu xogħol estensiv li jaqla` miegħu ħafna xogħol ieħor.  Kien għal dan l-iskop li x-xogħol inqasam fuq żewġt isjuf biex filwaqt li jsir ix-xogħol, it-tagħlim ikun jista’ jibqa` għaddej tul is-sena skolastika.  Fil-fatt l-iskola għandha żewġ blokki ewlenin u f’kull blokk hemm mal-100 tieqa.

Il-popolazzjoni f’din l-iskola issa laħqet 1200 b’54 klassi differenti.  Fis-sena skolastika li għaddiet, minħabba ż-żieda ta’ studenti li qed jgħaddu għall-Junior Lyceum, l-iskola bdiet tuża skola oħra fil-Ħamrun bħala annexe fejn bdew jattendu l-istudenti kollha tal-Form 1 din is-sena.

Il-Ministru Louis Galea qal li fid-dokument ta’ qabel il-Budget, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi għal darb`oħra qed juri bil-fatti kif il-Gvern jagħti l-ogħla prijorità lill-edukazzjoni bħala l-aqwa garanzija għall-ġejjieni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fid-dokument ĠEJJIENI FIS-SOD, “Il-Gvern iqis l-edukazzjoni bħala l-qofol għall-politika soċjali, ekonomika u ambjentali li tiggarantixxi l-ġejjieni tas-soċjetà Maltija”.

Il-Ministru Galea qal: “Jidher biċ-ċar li l-Gvern għandu viżjoni u strateġija mill-aqwa fl-edukazzjoni li qed tagħti frott tajjeb.  Il-Gvern diġà qed jersaq lejn il-mira tiegħu biex ulied il-poplu tagħna jirnexxu lkoll.  Filwaqt li aħna konxji kemm għad fadlilna x’nagħmlu, huwa fatt li ħafna aktar żgħażagħ minn qatt qabel qed ikomplu bl-istudji u t-taħriġ tagħhom u qed jiksbu kwalifiki li jgħinuhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”

Il-Ministru Galea qal li issa li ġiet pubblikata l-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni ser jibda l-proċess għall-implimentazzjoni tagħha. “Fil-ġranet li ġejjin ser nibda nieħu l-passi biex f’serje ta’ fażijiet indaħħal fis-seħħ il-provvedimenti l-ġodda tal-liġi. Fl-ewwel fażi ser nikkonċentraw fuq it-twaqqif tal-Kulleġġi u l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.”

Il-Ministru Galea qal li bħalissa hemm miftuha s-sejħa għall-Koordinaturi tal-Kulleġġi u dalwaqt joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ l-Amministraturi u l-Precincts Officers tal-Kulleġġi.  Il-Ministru Galea sostna li fattur importanti fl-iżvilupp tal-Kulleġġi huwa li jinstabu l-uffiċjali t-tajba fin-numru meħtieġ.

Il-Liċeo fil-Ħamrun inbena fil-bidu tas-snin hamsin u meta infetaħ, fl-1955, ġew trasferiti fih l-istudenti li kienu jattendu l-Licej tal-Belt u tal-Ħamrun (l-antik).  Meta nbniet l-iskola l-ġdida din kienet meqjusa bħala skola ta’ l-ogħla kwalità kemm fil-bini kif ukoll fl-apparat u l-faċilitajiet li din l-iskola kellha.  Il-Liċeo għandu storja mill-aktar distinta li tmur lura għall-1592 meta waslu l-Ġiżwiti hawn Malta biex jiftħu kulleġġ għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u għal kważi 200 sena żviluppa taħt il-Ġizwiti sakemm dawn ġew imkeċċija fl-1768.  Madankollu l-Liċeo baqa` jiżviluppa maż-żmien taħt amministrazzjonijiet differenti skond il-bidliet politici u ekonomici li seħħew f’Malta matul iż-żmien.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow