XOGĦOL ESTENSIV FIL-LIĊEO TAL-ĦAMRUN
Bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fil-Liċeo Dun G. Zammit Brighella tal-Ħamrun biex dan ikun lest jilqa` fiħ l-istudenti f’Settembru li ġej għas-sena skolastika l-ġdida. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar il-liċeo fejn il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), f’din l-iskola f’dawn l-aħħar snin ser ikun wettaq investiment li jlaħħaq il-kwart ta’ miljun lira. Il-Ministru Louis Galea ħabbar li, bħala parti mill-programm tal-Gvern li l-iskejjel kollha tiegħu jiġu modernizzati, qed jitħejjew il-pjanijiet biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq l-immodernizzar tal-faċilitajiet sportivi tal-Liċeo u l-pitch tal-futbol jingħata wiċċ tat-‘turf’ sintetiku.
Ix-xogħlijiet f’din l-iskola jinkludu l-bdil ta’ l-aperturi ta’ din l-iskola, tiswija tal-kolonni u blajjet tal-faċċata ta’ l-iskola, ‘fencing’ madwar il-grounds ta’ l-iskola u diversi rampi biex titjieb l-aċċessibilità f’din l-iskola. Tajjeb wieħed jgħid li din hi t-tieni fażi tax-xogħlijiet u li s-sena li għaddiet diġà saru xogħlijiet biex jinbidlu l-aperturi kollha ta’ nofs l-iskola, il-bini ta’ lift shafts u l-istallar tal-liftijiet, tiswijiet tal-blajjet ta’ fuq l-aperturi, bibien interni ġodda, faċilitajiet sanitarji ġodda, inkluż għal persuni b’diżabilità, tibdil u titjib tas-sistema tad-dawl inkluż fil-Gym ta’ l-istess skola.
Kull min jgħaddi minn ħdejn din l-iskola jifhem li anke jekk wieħed jieħu biss il-bdil ta’ l-aperturi jifhem li dan hu xogħol estensiv li jaqla` miegħu ħafna xogħol ieħor. Kien għal dan l-iskop li x-xogħol inqasam fuq żewġt isjuf biex filwaqt li jsir ix-xogħol, it-tagħlim ikun jista’ jibqa` għaddej tul is-sena skolastika. Fil-fatt l-iskola għandha żewġ blokki ewlenin u f’kull blokk hemm mal-100 tieqa.
Il-popolazzjoni f’din l-iskola issa laħqet 1200 b’54 klassi differenti. Fis-sena skolastika li għaddiet, minħabba ż-żieda ta’ studenti li qed jgħaddu għall-Junior Lyceum, l-iskola bdiet tuża skola oħra fil-Ħamrun bħala annexe fejn bdew jattendu l-istudenti kollha tal-Form 1 din is-sena.
Il-Ministru Louis Galea qal li fid-dokument ta’ qabel il-Budget, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi għal darb`oħra qed juri bil-fatti kif il-Gvern jagħti l-ogħla prijorità lill-edukazzjoni bħala l-aqwa garanzija għall-ġejjieni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fid-dokument ĠEJJIENI FIS-SOD, “Il-Gvern iqis l-edukazzjoni bħala l-qofol għall-politika soċjali, ekonomika u ambjentali li tiggarantixxi l-ġejjieni tas-soċjetà Maltija”.
Il-Ministru Galea qal: “Jidher biċ-ċar li l-Gvern għandu viżjoni u strateġija mill-aqwa fl-edukazzjoni li qed tagħti frott tajjeb. Il-Gvern diġà qed jersaq lejn il-mira tiegħu biex ulied il-poplu tagħna jirnexxu lkoll. Filwaqt li aħna konxji kemm għad fadlilna x’nagħmlu, huwa fatt li ħafna aktar żgħażagħ minn qatt qabel qed ikomplu bl-istudji u t-taħriġ tagħhom u qed jiksbu kwalifiki li jgħinuhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Il-Ministru Galea qal li issa li ġiet pubblikata l-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni ser jibda l-proċess għall-implimentazzjoni tagħha. “Fil-ġranet li ġejjin ser nibda nieħu l-passi biex f’serje ta’ fażijiet indaħħal fis-seħħ il-provvedimenti l-ġodda tal-liġi. Fl-ewwel fażi ser nikkonċentraw fuq it-twaqqif tal-Kulleġġi u l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.”
Il-Ministru Galea qal li bħalissa hemm miftuha s-sejħa għall-Koordinaturi tal-Kulleġġi u dalwaqt joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ l-Amministraturi u l-Precincts Officers tal-Kulleġġi. Il-Ministru Galea sostna li fattur importanti fl-iżvilupp tal-Kulleġġi huwa li jinstabu l-uffiċjali t-tajba fin-numru meħtieġ.
Il-Liċeo fil-Ħamrun inbena fil-bidu tas-snin hamsin u meta infetaħ, fl-1955, ġew trasferiti fih l-istudenti li kienu jattendu l-Licej tal-Belt u tal-Ħamrun (l-antik). Meta nbniet l-iskola l-ġdida din kienet meqjusa bħala skola ta’ l-ogħla kwalità kemm fil-bini kif ukoll fl-apparat u l-faċilitajiet li din l-iskola kellha. Il-Liċeo għandu storja mill-aktar distinta li tmur lura għall-1592 meta waslu l-Ġiżwiti hawn Malta biex jiftħu kulleġġ għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u għal kważi 200 sena żviluppa taħt il-Ġizwiti sakemm dawn ġew imkeċċija fl-1768. Madankollu l-Liċeo baqa` jiżviluppa maż-żmien taħt amministrazzjonijiet differenti skond il-bidliet politici u ekonomici li seħħew f’Malta matul iż-żmien.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958