“IL-GVERN DETERMINAT LI BIL-PROPOSTI TIEGĦU GĦALL-BUDGET ISAĦĦAĦ L-ATTIVITA’ KUMMERĊJALI.” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“In-negozji żgħar u s-self-employed ser ikunu mill-iżjed li jgawdu mill-inizjattivi li l-Gvern qed jaħseb li jieħu fil-Budget li ġej biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo meta kien qiegħed jitkellem f’laqgħa ma’ numru ta’ self-employed.
L-Onor. Vassallo kompla jgħid kif dan “id-dokument ta’ qabel il-Budget ‘Ġejjieni fis-sod’ qed juri d-determinazzjoni tal-Gvern biex isaħħaħ l-attivita’ kummerċjali u hekk jikber il-ġid li kapaċi jinħoloq minn kull min qiegħed fil-kummerċ u fl-industrija. Huwa kkalkulat li 96% mill-intrapriżi li jagħmlu l-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna huma negozji żgħar li jħaddmu inqas minn għaxar ħaddiema. Dawn in-negozji huma mferrxa f’diversi setturi tal-kummerċ u meta l-Gvern qed jaħseb li jieħu miżuri biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber, dan ifisser li l-Gvern qed jara kif ikompli jkabbar l-attivita’ kummerċjali li ovvjament l-ewwel li tgawdi minnha hija l-persuna li qiegħda fin-negozju.
“Ovvjament l-attivita’ kummerċjali tkompli tikber meta l-konsumatur jibqa’ jiġi mgħejjun, ikun aktar konfidenti fis-saħħa ta’ flusu u b’moħħ aktar mistrieħ ikompli jonfoq aktar. Għalhekk tajjeb li issa f’pajjiżna jkollna diskussjoni bbażata fuq dan id-dokument biex wara, bħala Segretarjat inkunu nistgħu nwasslu s-suġġerimenti u proposti tas-settur għal ekonomija li kapaċi tiġġenera aktar kummerċ u negozju.
“Il-proposti imħabbra fid-dokument ta’ qabel il-budget huma maħsuba biex joħolqu aktar flus fl-idejn, filwaqt li bil-miżuri li l-Gvern jieħu huwa jibqa’ jikkontrolla d-deficit u jara li dan jibqa’ konformi mal-kriterji ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-ekonomija tagħna kapaċi tkompli tikber mingħajr ma jintilef xejn minn dak li ntrebaħ fil-passat .”
“La darba l-finanzi tal-pajjiż huma fis-sod u taħt il-kontroll, allura l-Gvern jista’ jkompli bil-pjan tiegħu għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż u bid-direzzjoni li joffri permezz tal-budget ta’ kull sena jsaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż skond x’ikun qed iseħħ fl-ekonomija globalizzata.”
F’din il-laqgħa tiegħu ma’ numru ta’ self-employed u sidien ta’ negozji żgħar is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem dwar:
1. Il-bidla dwar il-bands tat-taxxa fuq id-dħul
2. L-introduzzjoni ta’ benefiċċju fuq l-enerġija għall-familji bi dħul baxx
3. Il-bdil tal-kontribuzzjoni minn waħda nazzjonali għal waħda pro rata għal part-timers
4. Li nisa miżżewġa jitħallew jaħdmu fin-negozji ta’ self-employed
5. Is-sostenn lill-industrija u t-turiżmu, u diversi inizjattvi oħra li dan id-dokument poġġa għad-diskussjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ħabbar kif is-Segretarjat ser ikun qiegħed jorganizza numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni maħsuba biex issir diskussjoni aktar fid-dettal dwar dawn il-proposti. Din id-diskussjoni ser issir ukoll b’konnessjoni mal-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma “Miftuħa għan-negozju”.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal: “Il-Gvern għandu direzzjoni ċara ta’ fejn irid jasal. Dan il-Gvern għandu pjan ta’ ħidma li jżommu qrib tas-self employed u jrid jara lill-poplu moqdi b’suq li f’ekonomija kompetittiva, jkun kapaċi joffi l-aħjar valur ta’ flus għal dak li jintefaq”.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958