L-ATTIVITA' ANNUALI TAT-TBERIK TAR-RIMJI TAL-LAMPUKI
"Dan il-gvern qed jagħmel ħiltu kollha biex jgħin lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kif ukoll l-industrija tas-sajd ħalli jkunu jistgħu jikkompetu u jkomplu jagħtuna mhux biss l-identita' tagħna ta' pajjiż Mediterranju u Ewropew imma ukoll il-prodott ta' ħut frisk li aħna mdorrijin bih".
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Biedja u Sajd Dr Francis Agius meta kien qed jattendi għall-attivita' annuali tat-tberik tar-rimji tal-lampuki.
Dr Agius spjega li dan it-tip ta’ sajd huwa meqjus bħala importanti ħafna għal għixien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin billi f’ċerti snin, jew kien l-akbar qabda jew inkella t-tieni l-akbar qabda wara l-qbid tal-pixxispad u t-tonn. Dan is-sajd għall-lampuki flimkien mas-sajd għat-tonn u pixxispad jifforma s-sinsla tas-settur tas-sajd Malti u Għawdxi.
Matul l-aħħar ħames snin kellna 2,077,087 Kg ta' Lampuki maqbuda li dawn bejniethom kellhom il-valur ta' LM1,860,143.
Dr Agius spjega kif din is-sena, mill-130 rimja li kellna għad-dispożizzjoni tas-sajjieda tagħna f’10 distretti mqassma madwar Malta u Għawdex, il-Fergħa tas-Sajd qdiet lil kull applikant li kellna nkluża l-għaqda tad-Dilettanti ta' Buġibba. L-applikazzjonijiet din is-sena kienu 113.
Dan il-Ministeru qed jagħmel ħiltu biex ikompli jgħin lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kontinwament qal Dr Agius. Dan qed jagħmlu permezz ta' twaħħil ta’ parati u xogħlijiet zgħar ta’ manutenzjoni fis-slipways.
L-assistenza finanzjarja sabiex is-sajjieda jkollhom aktar sigurtà fuq il-post tax-xogħol u biex ikollhom aktar suċċess fil-kompetizzjoni mas-sajjieda barranin s’issa mill-2003 swiet kważi Lm1,800,000. S’issa ġew konklużi mal-117-il kuntratt waqt li xi 81 oħra qed jistennew il-kuntratt. S’intendi għad baqa’ min jinqeda. Saret talba għall-pagamenti ta’ Lm160,000 biex jingħalqu numru iehor ta’ kuntratti u wara dawn mistenni li joħorgu aktar pagamenti fuq kuntratti oħra. Dr Agius kompla billi spjega l-għajnuna finanzjarja li ngħatat lil dan is-settur. Hu spjega kif għajnuniet oħra ngħataw permess tal-FIFG (Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd). Fit-tiġdid (renewal) tal-flotta kien hemm applikazzjoni waħda li ġiet moqdija. Is-somma nvoluta hi ta’ madwar Lm83,263 li 80% minnha diġà ġiet imħallsa.
Għall-immodernizzar tal-flotta kien hemm 10 applikazzjonijiet li minnhom kien hemm 8 eleġibbli. Tlieta minn dawn huma lesti u qed jistennew li jitħallsu, waqt li l-oħrajn qed jiġu spezzjonati x-xogħlijiet tagħhom. Dawn it-tmien proġetti ser jiswew qrib il-Lm67,000.
Intqal ukoll kif fl-Adjustment tal-Fishing Effort kien hemm 10 applikazzjonijiet li minnhom 3 kienu eleġibbli. Wieħed minnhom lest u tħallas, l-ieħor sar il-kuntratt u għaddej il-proċess tal-pagament u l-proġett l-ieħor għadu taħt proċess. Dan il-proġett sewa Lm219,000.
It-total ta’ għajnuniet għall-Flotta jlaħħaq madwar Lm368,000.
Dr Agius qal li kien hemm ukoll għajnuniet għall-Industrija tas-Sajd u l-ipproċessar. Ġie spjegat kif l-akkwakultura bbenefikat minn proġett ta’ Lm53,000. Dan il-proġett jikkonsisti f’tagħmir ta’ gaġġeġ u sistema ta’ sorveljanza ambjentali.
L-industrija tas-sajd fejn jidħol ipproċessar u swieq ibbenefikat minn 3 proġetti ta’ Lm211,000. Dawn il-proġetti huma intiżi biex iżiedu l-valur miżjud tal-produzzjoni tas-sajd. Wieħed minn dawn il-proġetti kien tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd. Dawn il-proġetti għandhom l-iskop li jtejbu l-prodott għall-benefiċċju tal-konsumatur, ikompli jgħolli l-livell ta’ kwalità u iġjene u f’okkażjonijiet iżied id-diversivita’ tal-prodott.
It-total ta’ dawn iż-żewġ Proġetti jammontaw għal Lm263,000.
Dr Agius qal li l-Proġett ta’ Faċilitajiet għall-Port tas-Sajjieda qiegħed fi stadju avanżat fejn jidħlu t-tenders u qal li kif ikunu konklużi t-tenders kellu jibda x-xogħol meħtieġ.
Dan il-proġett se jgħin kemm lis-sajjieda kif ukoll lill-Industrija tas-Sajd biex tiżdied l-effiċjenza fuq l-operazzjonijiet konnessi mas-sajd u jipprovdi benefiċċji lis-sajjieda fejn tidħol manutenzjoni tal-bastimenti tas-sajd tagħhom.
Dan il-proġett ser jiġi jiswa madwar 2 miljun Euros.
L-ispiża kollha għal dan is-settur se tilħaq Lm1,270,000 temm jgħid Dr Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958