IL-GVERN JIBDA L-PROĊESS TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI TAT-TAQSIMA TAL-GASS FIL-KORPORAZZJONI ENEMALTA
Il-Gvern, permezz tal-Privatisation Unit, minn għada ser jibda l-proċess pubbliku tal-kummerċjalizzazzjoni tat-Taqsima tal-Gass fil-Korporazzjoni Enemalta. Dan ser isir f’sejħa pubblika għall-offerti.
Dan hu konsistenti mal-politika tal-Gvern li l-Korporazzjoni Enemalta għandha tikkonċentra l-operat tagħha fuq il-funzjoni ċentrali tagħha, jiġifieri l-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku.
Minħabba li s-settur tad-distribuzzjoni taż-żjut u l-gassijiet f’Malta qed jiġi lliberalizzat, m’għadux jagħmel sens għall-Gvern li jibqa’ jopera f’dawn is-setturi u jikkompeti mal-privat.
Mingħada, investituri interessati, ser jiġu mistiedna jagħmlu l-proposti tagħhom fi proġett li jinkludi l-bini, l-operat għal 30 sena u t-trasferiment f’forma ta’ konċessjoni ta’ l-operat ta’ l-ibbottiljar u l-ħażna tal-gass.
Il-Gvern qiegħed joffri lil min jintgħażel wara din is-sejħa pubblika li għal issa jibqa’ jopera l-impjant ta’ l-ibbottiljar fil-Qajjenza. Iżda oġġettiv ċentrali tal-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni u li jwassal għall-egħluq ta’ l-impjant fiż-żona residenzjali tal-Qajjenza.
L-offerent li jintgħażel se jkollu f’idejh il-permessi ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiżviluppa impjant ġdid u ikbar t’ibbottiljar tal-gass f’Bengħisa. Madankollu l-offerenti se jkollhom il-possibiltà jagħmlu proposti alternattivi ta’ fejn għandu jkun l-impjant.
Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-ibbottiljar u t-tqassim tal-gass għandha ttejjeb il-livelli preżenti ta’ sigurtà ta’ provvista u ta’ servizz u twassal biex il-Liquid Petroleum Gas ikun aktar aċċessibbli. Qed tinħoloq ukoll l-opportunità li jiġu pprovduti prodotti oħra bħal autogas u oħrajn.
Is-sejħa pubblika għall-offerti tagħlaq fl-20 t’Ottubru 2006.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958