INVESTIGAZZJONIJIET ĠEOLOĠIĊI TAT-TIEQA TAD-DWEJRA
Il-Ministeru għal Għawdex ikkummissjona investigazzjonijiet ġeoloġiċi dwar l-istabilita’ strutturali tat-Tieqa tad-Dwejra.
Id-Dwejra hija żona ta’ importanza xjentifika u kulturali, għanja fl-ekoloġija, il-ġeoloġija u s-sbuħija naturali tagħha. Hija żona ffrekwentata ħafna mit-turisti kif ukoll mill-Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li hija wkoll attrazzjoni għall-industrija televiżiva u ċinematografika. Il-formazzjoni naturali tat-Tieqa tad-Dwejra hija probabbli l-iktar fattur li jiddistingwi lil din iż-żona, u probabbli wkoll li hu l-iktar xenarju wżat sabiex jirreklama lill-gżira fil-livell internazzjonali.
Fis-snin riċenti ġie nnutat illi l-formazzjoni tat-Tieqa qed tiġi mikula iktar ma jgħaddi ż-żmien u l-istess proċess qed jitħaffef fl-aħħar snin. Għalkemm dan il-proċess huwa wieħed naturali u li f’ċirkostanzi normali kien jitħalla jieħu l-kors naturali tiegħu, it-telfa ta’ simbolu bħat-Tieqa tad-Dwejra iwassal għal impatt negattiv sostanzjali fuq l-industrija turistika t’Għawdex. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex fittex pariri esperti dwar jekk hux possibbli li jsir xi forma ta’ intervent sabiex il-ħsara li qed issir lit-Tieqa tiġi mrażżna.
Bureau Veritas Consulting Limited mir-Renju Unit qed jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa. Il-kumpanija għandha esperjenza vasta fuq proġetti simili.
Dan l-aħħar, il-konsulenti wettqu analiżi tas-sit tat-Tieqa tad-Dwejra, kemm mill-art kif ukoll mill-baħar. Ġie prodott ukoll video tal-formazzjoni tal-blat fl-inħawi tat-Tieqa minn taħt il-baħar. Il-Ministeru għal Għawdex irid juri l-apprezzament tiegħu għall-assistenza ta’ Lone Dolphin Media mill-Għarb li pprovdew materjal viżiv ta’ taħt il-baħar mingħajr ħlas.
Rapport preliminari bir-rakkomandazzjonijiet mistenni jiġi ppreżentat lill-Ministeru għal Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin.
L-inħawi tad-Dwejra, inkluż it-Tieqa tad-Dwejra, qed jibbenefikaw ukoll minn proġett b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea taħt il-LIFE Third COUNTRIES scheme, b’investiment ta’ €314,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958