KOLLABORAZZJONI BEJN L-MCAST U L-UNIVERSITÀ
Bħalissa 100 student li qed isegwu l-ewwel sena tal-kors ta’ l-Inġinerija fl-Università ta’ Malta qed jużaw il-faċilitajiet ta’ l-MCAST għal taħriġ bażiku bħala parti integrali mill-kors li qed isegwu. L-istudenti qed jużaw il-workshops tal-mekkanika, elettriku u elettronika kif ukoll l-Auto Lab - laboratorju ta’ l-inġinerija marbuta mal-karozzi, li l-MCAST inawgura din is-sena akkademika wara li nkisbu fondi mill-Fond Reġjonali Europew għall-Iżvilupp (ERDF) ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Laboratorju sar b’investiment mill-Gvern ta’ madwar kwart ta’ miljun Ewro b’teknoloġija mill-aktar avvanzata għat-taħriġ fil-qasam ta’ l-Inġinerija awtomobilistika.
Il-Laboratorju hu mgħammar bl-aħħar teknoloġija fit-taħriġ f’dan il-qasam u jinkludi 20 kompjuter għall-istudenti u master komputer għal-lecturers, network u internet, sistema awdjoviżwali, simulaturi u repliki ta’ partijiet tal-magna u tal-karozzi li fuqhom jistgħu jaħdmu l-istudenti kif ukoll materjal edukattiv. F’dan il-laboratorju jista’ jsir xogħol individwali jew fi gruppi u l-apparat jaħseb għal-livelli differenti ta’ l-istudji u taħriġ ta’ l-istudenti.
Dan il-laboratorju hu proġett wieħed biss minn diversi li wettaq il-Gvern fl-MCAST permezz ta’ fondi ta’ l-ERDF. Proġetti oħrajn jinkludu t-tkabbir u l-immodernizzar tal-librerija u ċentru għar-riżorsi li għandu l-MCAST fil-Campus ewlieni; il-bini l-ġdid li fih se jiġi trasferit l-Istitut għall-Kura fil-Kommunità; Child Care Centre ġdid, u workshops ġodda tal-welding and fabrication u ta’ l-electrical installation fiċ-ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex. Kull proġett jaħseb mhux biss għall-bini u xogħlijiet strutturali, iżda wkoll biex il-faċilitajiet jiġu mgħammra b’dak kollhu li jkollhom bżonn.
Waqt iż-żjara tiegħu l-Ministru kien akkumpanjat mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST, is-Sur Paul Attard u l-Principal tal-Kulleġġ is-Sur Frank Edwards, kif ukoll mir-Rettur ta’ l-Università l-Professur Juanito Camilleri. Il-Ministru spjega kif l-MCAST u l-Università qed jikkollaboraw flimkien fil-qasam ta’ l-inġinerija biex iż-żewġ istituzzjonijiet u l-istudenti tagħhom igawdu mir-riżorsi vasti u kumplimentari li għandhom iż-żewġ naħat. Louis Galea qal li f’pajjiż żgħir bħal tagħna ma jagħmlix sens li jkun hawn ħafna duplikazzjoni tar-riżorsi u permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, ir-riżorsi li għandna jistgħu jiġu użati aħjar u jiġu liberati fondi li jistgħu jintużaw biex niżviluppaw u nkattru r-riżorsi.
Is-Sur Frank Edwards spjega kif bħalissa 100 student ta’ l-Università li qed isegwu korsijiet ta’ l-Inġinerija qed jagħmlu programm ta’ taħriġ ta’ sitt ġimgħat fl-MCAST peress li dan għandu faċilitajiet tajbin u lecturers kapaċi li joffru dan it-taħriġ. Is-Sur Edwards qal li l-MCAST għandha ħafna x’toffri kemm lill-Università u lil istituzzjonijiet oħrajn edukattivi u ta’ taħriġ kif ukoll lill-industrija u fl-istess ħin il-Kulleġġ u l-istudenti tiegħu jistgħu jiggwadanjaw ħafna b’kollaborazzjoni tajba f’dawn l-istess oqsma. Is-Sur Edwards semma wkoll kif bħalissa il-Lufthansa Technik qed tuża l-faċilitajiet ta’ l-MCAST għat-taħriġ tal-ħaddiema tagħha u dan hu parti mill-fteħim ta’ kollaborazzjoni li l-MCAST għandu ma’ din il-kumpanija.
Ir-Rettur ta’ l-Università il-Prof. Juanito Camilleri qal li kemm ilu mwaqqaf, l-MCAST żviluppa b’rata mgħaġġla u ssaħħaħ b’mod li llum ilkoll nirrikonoxxu li l-MCAST hija istituzzjoni importanti ferm mhux biss fil-qasam ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja iżda wkoll għall-industrija u l-ekonomija tal-pajjiż. Il-Prof. Camilleri qal li pajjiżna hu impenjat li jkattar l-ammont ta’ nies li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom partikolarment fis-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-matematika u ta’ l-inġinerija, kollha oqsma li fuqhom l-MCAST u l-Università jistgħu u għandhom jikkollaboraw bis-sħiħ.
Ir-Rettur qal li kemm ilu fil-kariga sab ħbiberija u kollaborazzjoni mill-aqwa ma’ l-MCAST u qed isir xogħol bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex din il-kollaborazzjoni tissarraf f’benefiċċi konkreti għall-istudenti. Hu qal li l-MCAST u l-Università qed iqabblu dak li se jiġi mgħallem fil-kors tal-B.Tech. Higher National Diploma fl-Inġinerija (Mekkanika u Elettrika) ma’ dak li jsir fl-ewwel sentejn tad-Degree li jsir fl-Università, u dan biex fil-futur l-istudenti ta’ l-MCAST ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università mingħajr ma jkollhom jirrepetu is-suġġetti li jkunu diġà koprew.
Il-Ministru qal li l-MCAST u l-Università qed isaħħu l-kollaborazzjoni li hemm bejniethom u spjega kif anke meta saru l-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ l-ERDF għas-snin 2007-13, sar eżerċizzju bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex ma jkunx hemm duplikazzjoni tar-riżorsi bil-fteħim li wara li jkunu żviluppati dawn ir-riżorsi, iż-żewġ istituzzjonijiet ikollhom aċċess reċiproku għal dawn ir-riżorsi. Il-Ministru qal li kemm l-MCAST kif ukoll l-Università se jkunu qed jirċievu miljuni ta’ liri mill-fondi reġjonali (ERDF) u dawn se jmorru biex jitwettqu ma’ l-20 proġett differenti.
Fl-MCAST hemm proġetti li jinkludu: immodernizzar u titjib tal-laboratorji tal-kompjuters, Contact (Call) Centre training facilities, laboratorju tax-xjenza fl-Istitut tal-Kura fil-Kommunità, Laboratorji ġodda fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, Laboratorju tal-Lingwi, Apparat għat-Taħriġ fiċ-Ċentru ta’ Għawdex, VRT Lab, proġett għall-aċċessibiltà, Heavy Vehicle/Equipment Training Simulator, u serer komputerizzati fl-Istitut ta’ l-Agrikummerċ f’Malta u f’Għawdex (minn fondi marbutin ma’ l-agrikultura).
Proġetti fl-Università jinkludu: Materials Testing u Characterisation lab li sa jintuża għat-tagħlim, għar-riċerka kif wkoll biex jingħata servizz tant meħtieġ, lill-industrija lokali; Rapid Prototyping lab; estensjoni tal-Computing Services Building u estensjoni ta’ sular fil-Junior College, “Dan kollu se jkompli jżid il-kapaċità ta’ l-istituzzjonijiet ewlenin tagħna biex jipprovdu taħriġ ta’ l-ogħla kwalità fl-oqsma li pajjiżna tant għandu bżonn biex ikompli jiżviluppa fil-qasam ekonomiku,” temm jgħid Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958