L-EWWEL LAQGĦA FIS-SENSIELA “IL-MINISTRU FOSTKOM”
L-ewwel laqgħa tal-Onor. Dolores Cristina mal-pubbliku fis-sensiela “Il-Ministru fostkom” seħħet illum, il-Ġimgħa 4 ta’ Awissu fiċ-Ċentru Aċċess, fil-Kottonera.
L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat huwa li l-Ministru Cristina żżur personalment diversi bliet u rħula biex tiltaqa’ mal-pubbliku fil-lokalità tagħhom stess, f’ambjent fejn huma jħossuhom komdi.
Il-Ministru Cristina sostniet li l-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali huwa wieħed viċin in-nies proprju għaliex huwa Ministeru li jaħdem tant qrib il-ħajja ta' kuljum tal-poplu Malti. "Huwa għalhekk li jiena xtaqt inniedi din is-sensiela ta' laqgħat fost il-Maltin u Għawdxin għaliex nemmen li huwa ferm importanti li kulħadd isir jaf aktar mill-viċin ix-xogħol tagħna kif ukoll ikollu l-opportunità jesprimi ruħu miegħi u ma' l-istaff tal-Customer Care f'ambjent familjari għalih." Il-Ministru wriet sodisfazzjon bil-mod kif in-nies laqgħu din l-inizjattiva. "Nixtieq nesprimi wkoll li l-interess f'din l-ewwel laqgħa kkonferma li x-xogħol li nagħmlu huwa apprezzat u fdat. Jidhirli li l-Maltin u Għawdxin għarfu l-valur ta' din is-sensiela ta' laqgħat."
Il-Ministru Cristina u l-istaff tal-Customer Care ltaqgħu ma’ ’l fuq minn għoxrin persuna mill-inħawi tal-Kottonera. Deher ċar mill-ħafna telefonati li waslu fl-uffiċcju tal-Customer Care li din l-inizjattiva ntlaqgħet b’mod pożittiv għall-aħħar. Għalkemm din l-ewwel laqgħa kienet esklussivament għan-nies mill-inħawi tal-Kottonera, kienu bosta n-nies minn diversi lokalitajiet madwar Malta li ċemplu biex jiltaqgħu mal-Ministru.
Fil-fatt, kull min ċempel kien avżat li se jingħata appuntament fil-futur meta titħabbar id-data tal-laqgħa fil-lokalità rispettiva.
It-tieni laqgħa ser issir f’Settembru f’Birkirkara. Id-data u l-post jitħabbru aktar ’l quddiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958