REGOLAMENTI DWAR IL-LIGHTERS
Il-Ministeru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni (MCMP), permezz tad-Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-Awtorità Maltija dwar l-iStandards, għamel regolamenti dwar is-sigurta’ tal-lighters li jintużaw darba. Ir-regolamenti li qed jiġu proposti jittrasponu d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/502/KE tal-11 ta’ Mejju, 2006.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri u primarjament teħtieġ li dawn jiżguraw li lighters illi jintremew wara ftit użu jew użu wieħed biss (magħrufin komunement bħala “disposable lighters”) ikunu reżistenti għat-tfal meta dawn jitpoġġew fuq is-suq Ewropew.
Ir-regolamenti proposti dwar il-lighters illi ser ikollhom it-titolu: “ir-Regolamenti dwar il-Lighters, 2006” ser jipprojbixxu t-tpoġġija fuq is-suq ta’ lighters li jixbħu oġġetti li jattiraw lit-tfal, bħal per eżempju l-ġugarelli, magħrufin ukoll bħala “novelty lighters”. Dawn iġibu magħhom riskju għoli ta’ użu ħażin. It-tfal jistgħu jilagħbu bihom u jikkawżaw nirien, korrimenti jew imwiet. Ir-regolamenti ser jeskludu “luxury lighters” u “semi-luxury lighters” mill-applikazzjoni tagħhom.
Luxury u semi-luxury lighters m’humiex koperti mir-rekwiżiti ta’ reżistenza għat-tfal, iżda huma suġġetti għal rekwiżiti ġenerali dwar is-sigurtà tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2005/95/KE, kif ġiet trasposta mill-Att dwar is-Sigurtà tal-Prodotti, 2001 (Cap. 427) u huma mħarsa minn standard speċifiku dwar is-sigurtà tal-lighters (MSA EN ISO 9994:2000).
Il-lighters tas-sigaretti li jintremew wara ftit użu jew użu wieħed biss, huma prodotti tal-konsumatur li huma perikolużi jekk it-tfal ma jużawhomx kif suppost, speċjalment peress illi dawn jipproduċu fjamma u jikkonsistu f’likwidu illi jaqbad.
Il-lighter tkun reżistenti għat-tfal meta din tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti ta’ l-istandard MSA EN 13869:2002. Il-lighters li jikkonformaw ma’ dan l-istandard ser jiġu meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolamenti dwar il-lighters, 2006. Dawk il-lighters li jikkonformaw ma rekwiżiti ta’ reżistenza għat-tfal ta’ pajjiżi oħrajn barra l-UE ser jiġu meqjusa li jikkonformaw, sakemm dawn ir-rekwiżiti huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn dawn ir-Regolamenti.
Wara l-pubblikazzjoni, ir-Regolamenti dwar il-Lighters, 2006 ser ikunu riveduti kull tnax-il xahar.
DOI – 04.08.2006
Noti lill-edituri:
1. Ir-regolamenti dwar il-lighters ser jimplimentaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/502/KE tal-ħdax ta’ Mejju 2006 li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li jitpoġġew fuq is-suq biss lighters li huma reżistenti għat-tfal u sabiex jipprojbixxu t-tqegħid fuq is-suq ta’ “novelty lighters”.
2. Ir-regolamenti ser jeħtieġu li l-lighters li jintużaw darba jew ftit drabi biss ikunu reżistenti għat-tfal. Dawn il-lighters jirriżultaw bejn wieħed u ieħor f’98% tal-lighters li jinbiegħu fl-UE kull sena. Ir-regolamenti ser jeskludu “luxury lighters” u “semi-luxury lighters” mill-applikazzjoni tagħhom.
3. Mill-20 ta’ Mejju ta’ l-2007, lighters li huma reżistenti għat-tfal biss ser jitpoġġew fuq is-suq filwaqt illi t-tqegħid fuq is-suq ta’ “novelty lighters” ser ikun projbit minn din id-data ’l quddiem.
4. Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tista’ tinkiseb mid-Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-MSA. Id-dettalji ta’ kuntatt huma dawn li ġejjin:
Awtorita’ Maltija Dwar l-Istandards
(Attn: Kap – Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur)
It-Tieni Sular, Binja Evans, Triq il-Merkanti, Valletta, VLT 03; jew
fax: 2124 2406; jew
e-mail: anthony.camilleri@msa.org.mt;
linda.worley@msa.org.mt;
joseph.micallef@msa.org.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958