Left arrow Mur Lura

PAZJENTI B’MARD MENTALI RI-INTEGRATI LURA FIL-KOMUNITÀ

PR1119
Date Icon 04/08/2006

“Illum qiegħda tinkiteb paġna ġdida fil-kura tal-mard mentali.  Sallum din il-kura kienet tiġi assoċjata ma’ l-isptar Monte Carmeli.  Illum b’sodisfazzjon ngħidu li waqqajna l-ħajt li kien jiddividi l-pazjenti mis-soċjetà.  Dan għaliex numru ta’ pazjenti f’dawn il-jiem qegħdin jiġu allokati f’residenzi fil-komunità.  Il-viżjoni tagħna li l-kura sa fejn hu possibbli tingħata fil-komunità qegħda issir realtà”. 

Dan qalu l-Ministru Louis Deguara meta kien qiegħed jassisti għall-iffirmar tal-ftehim bejn id-Diviżjoni tas-Saħħa fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra żewġ għaqdiet non-governattivi, Suret il-Bniedem u r-Richmond Foundation li daħlu sħab mad-Diviżjoni tas-Saħħa biex jipprovdu kura u superviżjoni lil numru ta’ pazjenti li se jiġu allokati f’żewġ Community Hostels.

Dan huwa l-ewwel proġett ta’ din ix-xorta li jikkumplimenta l-kura li preżentement tingħata fil-komunità biex aktar pazjenti ma jkollhomx il-ħtieġa li jiġu rikoverati f’Monte Carmeli.  Il-gvern ilu għaddej b’ħidma biex inaqqas il-pazjenti f’Monte Carmeli billi fejn hu possibbli l-kura tingħata fil-komunità.  Dan jgħin ukoll biex is-soċjetà tħares b’mod differenti lejn dawn il-pazjenti.  Nittamaw li dan il-proġett jirnexxi ħalli jiġi ripetut u aktar pazjenti  jinstabilhom post fil-komuntà, qal il-Ministru Deguara. 

Bħala parti mill-iżvilupp tas-servizzi fil-komunità, il-management ta’ l-isptar Monte Carmeli daħal għal żewġ proġetti bi sħab mar-Richmond Foundation u mal-Fondazzjoni Suret-il Bniedem.  Din hi l-ewwel darba li se jinfetħu  Community Hostels bi sħab bejn l-Isptar Monte Carmeli u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet.   

F’dawn il-hostels ser imorru joqgħodu 24 pazjent li għal ħafna snin għexu fl-isptar Monte Carmeli.  Il-ftehim li ġie ffirmat il-bieraħ jittratta l-mod li biħ għandhom jingħataw il-kura dawn il-pazjenti kif ukoll il-mod ta’ kif għandhom jitmexxew il-hostels.  Se jitwaqqaf kumitat ta’ tmexxija li jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-isptar kif ukoll tal-fondazzjonijiet rispettivi.  Kull naħa ntrabtet li tikkontribwixxi lejn il-kura tal-pazjent.  

Permezz ta’ proġetti bħal dawn, ikun qed isir użu aħjar mir-riżorsi kif ukoll tkun qed tingħata kura ta’ livell ogħla lil dawn il-pazjenti.  Il-ħaddiema li se jkunu qegħdin jieħdu ħsieb il-pazjenti diġà qed jingħataw taħriġ kemm minn professjonisti ta’ l-isptar kif ukoll mill-Fondazzjoni li qed timpjegahom.  Bħala parti mill-preparazzjoni biex jinfetħu dawn il-hostels, il-pazjenti li ntagħżlu biex joħorġu mill-isptar qegħdin jittieħdu fil-hostels fejn se jibdew jgħixu u hemm, barra milli jorjentaw ruħhom qegħdin ukoll jiltaqgħu man-nies li se jkunu qed jieħdu ħsiebhom.  Anke dawk il-qraba tal-pazjenti li xtaqu jaraw il-hostels, setgħu jmorru jagħmlu dan.  Dan ma jfissirx li dawn il-pazjenti mhux se jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-konsulenti ta’ l-isptar Monte Carmeli, anzi fil-ftehim hemm provediment li jassigura li l-pazjent jibqa’ jieħu l-aqwa kura kemm mill-professjonisti ta’ l-isptar kif ukoll mingħand il-Fondazzjoni responsabbli milll-hostel. 

Il-ftuħ ta’ dawn il-hostels ifisser li dawn il-pazjenti se jibdew jingħataw kura f’ambjent ferm differenti minn fejn kienu s’issa.  In-numru żgħir ta’ pazjenti li se jkun hemm f’kull hostel iwassal biex il-pazjenti jingħataw attenzjoni aktar personalizzata.  B’hekk togħla l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-pazjenti li xi wħud minnhom, fil-futur jistgħu saħansitra jkunu tajbin biżżejjed biex jitilqu minn dawn il-hostels u jibdew jgħixu ħajja aktar indipendenti u integrata fil-komunità.  

Il-ftuħ ta’ dawn il-hostels huwa biss parti żgħira mill-pjan ta’ l-isptar li bih qed niżviluppaw is-servizzi fil-komunità.  Dawn is-servizzi huma ta’ importanza kbira għaliex permezz tagħhom ħafna pazjenti jkunu jistgħu jibqgħu jirċievu l-kura bla ma jkollhom il-ħtieġa li jiddaħħlu fl-isptar.  Dan ikun ta’ ġid kbir kemm għal pazjenti kif ukoll għal qraba tagħhom.    

Il-Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li ssir mill-amministrazzjoni u l-ħaddiema kollha fl-isptar Monte Carmeli.  L-amministrazzjoni ilha xhur għaddejja b’ħidma fuq dan il-proġett biex setgħet tasal għall-ftehim ma’ dawn iż-żewġ għaqdiet non-governattivi li wkoll qegħdin jagħtu sehem utli ħafna u l-gvern hu ferm grat lejhom, temm jgħid il-Ministru Deguara.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow