TAGĦLIM U DIVERTIMENT WAQT SKOLA SAJF
Bħalissa eluf ta’ studenti qed jattendu skola sajf fejn permezz ta’ programm edukattiv qed jitgħallmu waqt li jiddevertu matul ix-xhur tas-sajf. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni s-Sur Frans Borg dalgħodu żar l-iskola primarja ta’ Ħal Kirkop fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Is-Sur Borg iltaqa’ ma’ tfal minn erba’ skejjel differenti li dalgħodu kienu qed jipparteċipaw fi Quiz dwar it-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena u li qed isir bejn l-iskejjel primarji.
Il-Quiz, li hu inizjattiva ġdida, qed isir bl-għajnuna tal-Meridian Enterprise Company Ltd, aġent tal-Karozzi Hyundai – sponsor ewlieni tat-Tazza tad-Dinja. Fil-Quiz ħadu sehem 43 ċentru ta’ Skolasajf, 11 f’Għawdex u 32 f’Malta. Illum dan il-quiz daħal fl-aħħar fażijiet biex għada ssir is-semi finali u nhar it-Tnejn isiru l-finali.
Is-Sur Borg qal li dan il-quiz jirrifletti l-ispirtu ta’ skolasajf fejn l-istudenti jitgħallmu waqt li jieħdu gost u jieħdu gost waqt li jitgħallmu. Hu qal li l-iskola ta’ Ħal Kirkop qed tgħix esperjenza ġdida bħala parti mill-Kulleġġ San Benedittu. Fis-sena li għaddiet l-iskejjel primarji ta’ Ħal Safi, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, tal-Gudja, ta’ l-Imqabba, tal-Qrendi u taż-Żurrieq ingħaqdu f’kulleġġ wieħed flimkien ma’ l-iskola sekondarja tas-subien li tinsab f’Ħal Kirkop stess. Eventwalment irid ikun hemm skola sekondarja oħra li fiha tilqa’ t-tfajliet kollha minn dawn l-iskejjel primarji biex b’hekk il-kulleġġ ikun sħiħ. Is-Sur Borg qal li l-esperjenza ta’ l-ewwel sena kienet pożittiva ħafna u qarrbet lill-iskejjel aktar lejn xulxin. Hu awgura li hekk kif nidħlu fit-tieni sena ta’ din l-esperjenza l-istudenti kollha ta’ dan il-kulleġġ u tal-kulleġġi l-oħrajn iħossuhom kburin mhux biss li huma parti mill-iskola primarja tal-belt jew raħal tagħhom iżda wkoll kburin li huma parti mill-kulleġġ. Is-Sur Borg temm jawgura lit-timijiet preżenti biex filwaqt li jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmlu suċċess, igawdu ż-żmien li jqattgħu ma’ sħabhom waqt Skolasajf.
Din is-sena, Skola Sajf bdiet fit-18 ta’ Lulju u madwar 4,000 tifel u tifla qed jipparteċipaw fid-diversi skejjel primarji madwar Malta u Għawdex u fl-iskejjel speċjali. Qed isir ukoll programm imsejjaħ Klabb Sajf li hu intiż għal tfal li waqt is-sena skolastika jirċievu l-edukazzjoni kumplimentari biex jingħataw appoġġ edukattiv li jgħinhom jimxu ‘l quddiem fl-edukazzjoni tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958