NISĠA TA’ L-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT F’KULLEĠĠI
“Minn Settembru li ġej jibda l-proċess biex l-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex jintisġu f’Kulleġġi kif titlob il-liġi l-ġdida dwar l-Edukazzjoni. Bi tħejjija għal dan, diġa’ ħarġet is-sejħa għall-għażla tal-kordinaturi tal-Kulleġġi u ser toħroġ sejħa oħra għall-għażla ta’ Amministratur u Precincts Officer għal kull Kulleġġ. Fil-bidu ta’ Settembru ser jitħabbar liema skejjel ta’ l-Istat ser jintisġu f’Kulleġġi għas-sena skolastika li jmiss”.
Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea meta dalgħodu żar l-iskola tal-Gvern f’Sannat Għawdex fejn qed jiġu organizzati diversi attivitajiet fosthom Skola Sajf. Il-Ministru Galea kien akkumpanjat mill-Kordinatur tal-Kulleġġ għal Għawdex, is-Sur Frank Gatt.
Is-Sur Frank Gatt, filwaqt li ta merħba lill-Ministru Galea, fisser l-ewwel sena skolastika tal-Kulleġġ għal Għawdex bħala bidu tajjeb u esperjenza pożittiva. Huwa qal li matul is-sena skolastika twettqu ħafna inizjattivi kurrikulari fil-livell primarju u sekondarju. “L-enfasi tagħna kienet fuq il-proċess biex l-istudent jitgħallem kif jitgħallem (learning to learn) bi programmi bħal English through drama, Hands-on Science sessions, Literacy fora, u Phonics and Abacus sessions. Il-mira tagħna hi edukazzjoni ta’ kwalita’ għal kull student”, qal is-Sur Gatt.
Il-Kordinatur tal-Kulleġġ fisser li tul is-sena l-Kapijiet ta’ l-iskejjel ħadmu ħafna flimkien għall-ġid ta’ l-istudenti Għawdxin. “Aħna wettaqna kultura ta’ djalogu ma’ kull min hu nvolut – studenti, għalliema, ġenituri u komunita’. Ippruvajna nwettqu l-qawl li villaġġ sħiħ jgħallem it-tfal”. Għall-ewwel darba l-kors INSET (in service for teachers sessions) għal 320 għalliema Għawdxin sar f’Għawdex. Saret ħidma wkoll biex il-karti ta’ l-eżami ta’ nofs is-sena f’numru ta’ suġġetti tkun waħda komuni għall-iskejjel f’Għawdex.
Frank Gatt qal li l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni bejn l-iskejjel ser jiżdied u dan jawgura tajjeb għall-iskejjel Għawdxin. “Il-Kulleġġ ta’ Għawdex ser jaħdem bis-sħiħ biex il-bżonnijiet u l-stili ta’ tagħlim diversi ta’ kull student jiġu rispettati. Aħna konvinti li kull student għandu saħħa biex jitgħallem. Kull student hu b’xi mod jew ieħor intelliġenti, u li jekk l-istudenti jiġu mgħallma b’mod effettiv kollha jitgħallmu, jirnexxu u jsiru ċittadini b’saħħithom u effettivi”, temm jgħid is-Sur Frank Gatt.
Il-Ministru Louis Galea rringrazzja lill-kordinatur, il-kapijiet, l-għalliema u l-ħaddiema ta’ l-iskejjel għall-ħidma li qed iwettqu. Huwa qal li l-Gvern qed jaħdem u jinvesti bis-sħiħ biex ulied il-poplu jingħataw l-aqwa opportunitajiet għat-tagħlim u l-edukazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958