SERVIZZI U BENEFIĊĊJI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Waħda mill-akbar diffikultajiet li jiltaqgħu magħha persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom hi n-nuqqas ta’ informazzjoni korretta dwar is-servizzi u l-benefiċċji li s-socjetà tagħna toffri ħalli jiġu assigurati opportunitajiet indaqs u l-ogħla kwalità ta’ ħajja possibbli.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tagħha, għarfet dan il-bżonn kbir u indirizzatu billi fl-1991 ġabret din l-informazzjoni fi ktejjeb “Servizzi u Beneffiċċji għall-Persuni b’Diżabilità”. Naturalment, din l-informazzjoni biex tkun effettiva trid tkun aġġornata. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għadha kemm ippubblikat il-ħames edizzjoni ta’ dan il-ktejjeb.
L-Onor. Dolores Cristina, Ministru tal-Familja u Solidarjetà Socjali, ippreżentat din l-edizzjoni nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Awissu. Hi saħqet dwar il-bżonn li persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom jinżammu nfurmati ħalli huma ma jitilfu xejn minn dak li hu tagħhom. Il-Ministru Cristina żiedet tgħid li “il-professjonisti kollha u dawk li jaħdmu mal-persuni b’diżabilità għandhom iżommu ruħhom aġġornati ħalli jkunu jistgħu jgħinu b’mod mill-aktar effettiv lill-klijenti tagħhom. Dan il-ktejjeb hu għodda effettiva biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.” Il-Ministru Cristina ferħet ukoll lil Kummissjoni għax-xogħol siewi li qed tagħmel f’dan il-qasam.
Il-ktejjeb hu mqassam f’16-il taqsima, skond it-tip ta’ servizz. Dan jinkudi: is-Saħħa, l-Edukazzjoni Speċjali, l-Impjiegi, is-Servizzi ta' Matul il-Jum għall-Adulti b’Diżabilità, is-Sigurtà Soċjali, id-Djar, is-Servizzi Residenzjali, it-Trasport, Servizzi fil-Komunità, il-Karta ta’ l-Identità Speċjali, Għajnuniet Speċjali għall-Persuni b’Diżabilità, l-Informatika, Servizz Spiritwali, il-Ħin Liberu, Għarfien Pubbliku, u Taħrig u Riċerka. Hemm ukoll 3 kapitli dwar organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam: Għaqdiet Mhux Governattivi li jipprovdu servizz, Għaqdiet Volontarji Nazzjonali, u Għaqdiet Volontarji Lokali fuq il-livell ta’ parroċċi u kunsilli.
Il-Ministru Cristina ppreżentat kopji ta’ dan il-ktejjeb lis-Sur Marcel Pisani, Chief Operations Manager ta’ l-Aġenzija SAPPORT, biex hu jqassmu lill-ħaddiema ta’ din l-Agenzija, l-aktar lis-social workers li jkollhom bżonn din l-informazzjoni aġġornata. Il-preżentazzjoni saret fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, f’Santa Venera, fil-preżenza tas-Sur Joseph Camilleri, chairman tal-KNPD, u s-Sur Fred Bezzina, Direttur Eżekuttiv u editur ta’ dan il-ktejjeb.
Għalkemm il-ktejjeb hu ppubblikat bil-Malti, il-Kummissjoni tipprovdi verżjoni bl-Ingliż lil min jitlobha. Għandha wkoll verżjoni awdjo u b’tipa kbira għal min għandu bżonnha f’dan il-format, l-aktar minħabba problemi ta’ vista
Il-verżjoni bil-Malti u bl-Ingliż tinsab ukoll fuq il-website tal-Kummissjoni: www.knpd.org
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem biex ikun hemm ukoll verżjoni aktar addatta għall-persuni b’nuqqas intellettwali kif ukoll verżjoni bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija għal dawk li l-ewwel lingwa tagħhom hi dik tas-sinjali. Il-Kummissjoni tagħti kopja ta’ dan il-ktejjeb bla ħlas lil kull min jitlobha - kemm persuni b’diżabilità kif ukoll persuni li jaħdmu magħhom
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958